Lokali

‘Il-Pinzell’ fuq strajk tal-ġuħ fil-ħabs

Resident tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, Marco Pace, magħruf bħala ‘Il-Pinzell’ u li jinsab f’Diviżjoni 5, jinsab fuq strajk tal-ġuħ wara li tnaqqsulu l-visti mill-familjari tiegħu.

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit jirriżulta li kollox beda wara li seba’ xhur ilu Pace instab pożittiv li pejjep il-ħaxixa.

Issa, minkejja li Pace qed jinsisti li ma reġax pejjep il-ħaxixa, it-traċċi baqgħu jinstabu fuq Pace. Jirriżulta li traċċi tal-ħaxixa normalment jibqgħu jkunu reġistgrati sa sitt xhur wara.

Konsegwenza t’hekk, Pace qed jitħalla jkollu biss żjara bażika waħda minflok tnejn fil-ġimgħa. Dan wassal biex it-tfajla tiegħu, li għandha tewmin ta’ tliet snin u nofs minn Pace, ilha ġimgħa ma tarah, minħabba li ż-żjarat qed jinqasmu bejnha u bejn ommu.

Dan hu t-tieni strajk tal-ġuħ li beda Marco Pace fl-aħħar jiem kawża ta’ din is-sitwazzjoni. Qraba ta’ Pace qed jinsistu li din hi sitwazzjoni inġusta, li minħabba fiha qed ibagħtu wkoll uliedu, għaliex Pace qed jinsisti li ilu seba’ xhur mingħajr ma jmiss sustanzi lleċti.

Iktar minn hekk Pace u qrabatu qed jinsistu li għal iktar minn darba ppruvaw jiltaqgħu mad-Direttur tal-ħabs biex jitkellmu dwar din is-sitwazzjoni. Madankollu spjegaw li kull darba li talbu laqgħa kien kollu għalxejn.