Internazzjonali

Illum fin-Nazzjonijiet Uniti jiddiksutu l-pjan tal-UE dwar l-immigrazzjoni

Illum fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti se jkun diskuss l-abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal azzjoni militari kontra dawk li qed jorganizzaw il-vjaġġ ta’ immigranti fil-Mediterran.
Il-qofol tar-riżoluzzjoni hi li l-Kunsill jagħti l-permess beix jibdew ikunu attakkati d-dgħajjes li qed jintużaw mit-traffikanti.
Sorsi fi New York qalu li l-abbozz tlesta mir-Renju Unit, membru permanenti fil-Kunsill, għal din il-missjoni. Missjoni li qed ikun propost li tkun taħt il-kmand tal-Italja u jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ għaxar pajjiżi tal-UE fosthom l-istess Renju Unit, Franza, Spanja u l-Italja imma ntqal li hemm l-appoġġ tal-pajjiżi membri kollha tal-UE għal dan il-pjan.
Illum Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-UE, se tindirizza l-Kunsill dwar il-pjan u biex jingħata l-permess li tintuża l-forza. Sorsi qalu li wara taħditiet li Mogherini kellha fiċ-Ċina, jidher li l-Gvern ta’ Beijing mhux se juża l-veto kontra l-pjan u aktarx lanqas ir-Russja.
Il-pjan imbagħad se jkun diskuss mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE l-ġimgħa d-dieħla u f’Ġunju diskuss f’summit tal-mexxejja tal-UE.