Granċ enormi li nqabad fl-English Channel, ‘il hinn minn Portsmouth, jingħad li għandu saħħa ferm aktar minn tal-granċijiet ‘normali’ — tant li kapaċi jagħmel ‘sfreġju’ mill-id ta’ raġel f’każ li kellu jaqbdu fil-morsa tad-dwiefer.
Il-granċ inkwistjoni – ta’ lewn kannella – ittella’ minn sajjied lokali waqt li hu kkonfermat li jiżen il-fuq minn erba’ kilogrammi. Sadanittant, il-granċ – li laqqmuh ‘crabzilla’ – hu wiesgħa mat-30 ċentimetru, bid-dwiefer tiegħu ikollhom saħħa straordinarja, ekwivalenti ‘għal erba’ darbiet is-saħħa tal-id ta’ bniedem’.
Fil-fatt, hemm anki min laqqam dan il-granċ bħala ‘Popeye’ minħabba d-dwiefer imqabbżin tiegħu li jixbħu l-muskoli fuq id-dirgħajn ta’ xi weightlifter…Intant, żgur li ħadd ma jażżarda jiċċajta ma’ dan il-granċ li kapaċi jħalli persuna sfigurata b’dawn id-dwiefer formidabbli.
//= $special ?>