Futbol Sport

Juventus Club Vero Amore Malta jgħin u jiġbor għal Puttinu Cares

Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Mejju, fl-okkażjoni tal-logħba taċ-Champions League bejn Real Madrid u Juventus, fil-Juventus Club Vero Amore ser ikun hemm esebita replika tat-tazza taċ-Champions sal-half time. Fl-istess ħin waqt il-logħba se ssir ġabra speċjali għal Puttinu Cares minn dawk preżenti. Il-membri preżenti se jkollhom l-opportunita’ wkoll li jieħu ritratt ma’ din it-tazza prestiġjuża waqt li jkomplu jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Din l-inizjattiva qed tittieħed wara assenza ta’ diversi snin għall-Juventus mis-semi finali tac-Champions League, kif ukoll ir-rebħ tar-raba’ kampjonat infila u l-passaġġ għall-finali tal-Coppa Italia, bl-għan li l-klabb, kumitat u l-membri jgħinu mill-qalb u b’entużjażmu lil min hu fil-bżonn f’dan il-mument ta’ glorja.

Fil-kummenti tiegħu l-president tal-klabb, Joseph Fenech, stqarr “kemm huwa importanti li f’ dan il-mument ta’ ferħ u sodisfazzjoni tat-tim tagħna, naħsbu wkoll f’realtajiet u diffikulatjiet ta’ nies fil-bżonn. Nemmnu li bħala club nħaddnu l-idea ta’ corporate social responsibility, u għaldaqstant ngħinu lil għaqdiet filontropiċi bħal Puttinu Cares, li tant u tant jagħmel ġid fis-soċjeta’ Maltija.”