Ambjent Lokali

L-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Demanju Pubbliku hu “inizjattiva kbira” favur il-wirt naturali – l-Editorjal ta’ The Times

L-Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Oppożizzjoni biex ikun protett id-Demanju Pubbliku (Public Domain) hu inizjattiva kbira favur il-wirt naturali, kulturali u storiku. Hu Abbozz li minnu se jgawdu l-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan ingħad fl-Editorjal tal-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta, li fakkar kif dan l-Abbozz, jekk jiġi approvat fil-Parlament, jimponi limitazzjonijiet fuq il-Gvern dwar kif juża’ l-artijiet u l-assi pubbliċi, li ħafna minnhom huma propjetà tal-Gvern stess. Jara wkoll li dawn l-artijiet u l-assi pubbliċi jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku.

L-Editorjal ifaħħar ukoll il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ntrabat li jekk dan l-Abbozz ma jilħaqx ikun diskuss taħt il-Gvern Laburista, jidħol fis-seħħ ladarba l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern. Qal li permezz ta’ dan l-Abbozz, tkun assigurata aktar trasparenza u akkontabbiltà fl-amministrazzjoni tal-wirt komuni.

Min-naħa l-oħra, jikkummenta li s-sentejn li għaddew, bil-Partit Laburista fil-Gvern, ma jawgurawx tajjeb għat-tibdil fl-attitudni b’risq l-ambjent u l-propjetajiet pubbliċi. Iżda jawgura li r-riżultat tar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa seta’ kien ta’ tbeżbiża biex il-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat jibdew jipproteġu l-ambjent.

L-Editorjal jinnota li dan l-Abbozz se jkun qed jitlob lis-sidien tal-propjetajiet biex jipprovdu d-dettalji kollha mitluba ħalli jiċċaraw il-leġittimità tagħhom. B’hekk, ikun ikkjarifikat kwalunkwe teħid illegali ta’ propjetà pubblika.

L-Editorjal jinnota wkoll l-appoġġ li dan l-Abbozz ta’ Liġi kiseb mill-għaqdiet u l-individwi li jaħdmu favur l-Ambjent u l-Wirt Kulturali, hekk kif l-Abbozz iwiegħed li l-propjetà pubblika tkun verament tal-pubbliku għax ineħħi l-mentalità ta’ gvern wara l-ieħor li l-assi pubbliċi huma b’xi mod propjetajiet esklussivi tal-Gvern tal-ġurnata.