L-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kien hu li ordna, bħala Kummissarju, li jiġu sospiżi l-proċeduri u l-akkużi kontra persuna dwar inċident li seħħ fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar.
Dan jirriżulta mill-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Bord ta’ Investigazzjoni maħtur mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali dwar l-allegat irtirar ta’ akkużi kontra persuna f’għassa tal-Pulizija dwar inċident li kien seħħ f’Ġunju tal-2013.
Investigazzjoni fuq talba tal-Oppożizzjoni
Ir-rapport tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra llejla mill-Ministru Carmelo Abela, kważi sentejn wara li seħħ dan l-inċident. L-inkjesta kienet intalbet wara appelli mill-Oppożizzjoni, bix-Shadow Minister Jason Azzopardi jappella u jsejjaħ għal inkjesta indipendenti biex dan il-każ ikun investigat u konkluż, u li r-rapport tal-investigazzjoni jitqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ix-Shadow Minister Jason Azzoppardi kien iddikjara sena ilu, li l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Peter Paul Zammit kien qed jigdeb dwar il-każ, u kien sejjaħ għal investigazzjonijiet biex toħtroġ il-verità.
L-akkużi kienu fil-konfront ta’ Josmar Agius, li kien allegat li kien urtat għall-mod kif ħass li ġiet trattata bintu minorenni meta marret tagħmel rapport dwar mowbajl mitluf jew misruq.
Jirriżulta li Agius kien eks-klijent tal-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, Peter Paul Zammit.
F’Lulju li għadda, il-Bord sema’ lis-Surġent Mallan, li rrakkonta kif seħħ l-inċident fis-7 ta’ Ġunju 2013. Jirriżulta li Agius ma riedx jistenna wara n-nies preżenti, beda jgħolli leħnu, daħal wara l-iskrivanija tal-pulizja minn bieb ieħor, sabbat il-kaxxa tal-mowbajl fuq id-desk u beda jgħid li se jirrappurtahom.
Is-Surġent qal lill-Bord li Agius qal li se jċempel lil Pietru Pawl. Agius instema’ jagħmel ukoll telefonata lil xi ħadd u jikkummenta kontra x-xift li kien hemm fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar.
Agius talab li jingħata complaint form, liema formola kellha tinġieblu minn banda oħra minġabba li fl-għassa ma kienx hemm.
Mill-eżami tal-files jirriżulta wkoll li ftit minuti wara li seħħ l-inċident, daħal current incident report dwar il-każ b’rapport dettaljat tas-Surġent Mallan, liema rapport ġie kkonfermt quddiem il-Bord. Fl-aħħar tar-rapport hemm li “akkużi f’dan ir-rigward se jinħarġu”.
Il-Kummissarju ta struzzjonijet biex jinżamm kollox wara li talab għar-rapport li sar fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar
Is-Surġent Mallan spjega lill-Bord li l-għada rċieva telefonata mid-Duty Officer biex jibagħtlu r-rapport tal-allegat inċident għax kien talbu l-Kummissarju Peter Paul Zammit.
Xehed ukoll li kienet bagħtet għalih l-Ispettur Marisa Zammit, responsabbli mir-Riżorsi Umani u mill-Affarijet Interni fil-Korp, li kienet qaltlu biex għalissa jżomm kollox u ma jmexxix kontra Agius, u dan fuq struzzjonijiet tal-Kummissarju. Is-Surġent informa bl-istruzzjonijiet li kien ingħata lis-superjuri tiegħu fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar u fisser kif is-Supretendent Bartolo kien irrabja għall-istruzzjonijiet li kienu ngħataw u kien ċempel lill-Ispettur Marisa Zammit.
Il-Bord sema’ wkoll ix-xhieda tal-Ispettur Marisa Zammit u rrimarka fir-rapport tiegħu, li mill-files jirriżulta timeline li jikkonferma dak li qalu l-Ispettur u s-Surġent.
Proċeduri sospiżi kontra kull parir li kellu l-Kummissarju tal-Pulizija
Jirriżulta wkoll li l-Ispettur Zammit għamlet ukoll nota lill-Kummissarju fejn irreferiet għall-akkużi li kienu abbozzati iżda li ma ħarġux formalment kontra Agius. Minkejja l-pariri li tat lill-Kummissarju biex jinħarġu l-akkużi, f’nota fil-file l-Kummissarju Peter Paul Zammit ordna li jiġu sospiżi l-proċeduri. Jirriżulta wkoll li s-Supretendent Bartolo ġie sostitwit fl-għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar.
Skont il-files, jirriżulta li ma ġara xejn aktar sa madwar tliet xhur wara, meta fid-19 ta’ Novembru 2013, kien hemm nota iffirmata mill-Kummissarju, fejn staqsa jekk l-istruzzjonijiet tiegħu li kien ta f’Awwissu biex il-proċeduri jiġu sospiżi, ġewx esegwiti, bir-risposta li jingħata tkun li l-proċeduri għadhom sospiżi. Fl-4 ta’ Diċembru tal-2013, skont il-files, il-Kummissarju kiteb biex jaqgħu l-akkużi kontra Agius.
Mid-dokumenti quddiem il-Bord ma jidhirx li mill-files hemm spjegazzjoni jew raġuni għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.
Il-Bord irriżultalu wkoll li s-Surġent fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar niżżel l-akkużi li kellhom jinħarġu kontra Agius u tniżżlu wkoll fiċ-charge book u saħansitra ġiet ippreparata ċ-ċitazzjoni. Iċ-ċitazzjoni waqfet u ma ġietx preżentata u mpoġġija fuq il-lista tal-Maġistrati tad-Distrett.
Supretendent jgħid li l-affarijiet ma kellhomx isiru hekk u li dawn ma kinux tajjeb għas-serjetà u l-moral tal-Korp
Skont is-Supretendent Bartolo, meta xehed quddiem il-Bord, spjega li l-affarijiet ma kellhmx isiru hekk u li dwar dan il-każ ħassu inkwetat għax il-fatt l jiġu sospiżi l-akkużi kien qed ipperikola li l-każ jiġi preskritt kif fil-fatt ġara. Fisser li dan ma kienx tajjeb għall-moral u s-serjetà tal-Korp li jittieħdu deċiżjonijiet li jwaqqgħu dak li jkun sar fl-għassa.
L-eks-Kummissarju Peter Paul Zammit qal fix-xhieda tiegħu quddiem il-Bord, li kien ħa interess dwar dan l-inċident u li Agius kien eks-klijent tiegħu. Fil-fehma tiegħu, ir-rapport tas-Surġent ma kienx iwassal biex joħorġu l-akkużi indikati. Qal ukoll li kien iddeċieda li l-ewwel jissospendi u mbagħad jirtira, minkejja l-pariri differenti ta’ kull min kien involut, minħabba li l-akkużi skont hu ma kinux ġustifikati.
Il-komunikazzjoni mal-media żgur li ma kinitx ideali
Il-Bord, immexxi mill-Imħallef Franco Depasquale, ikkonkluda li d-deċiżjoni li jiġu sospiżi u rtirati l-proċeduri kienet waħda arbitrarja, speċjalment meta jitqiesu l-pariri kollha kuntrarji li ngħataw. Fisser ukoll li d-deċiżjoni kienet unilaterali tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Bord iddikjara wkoll li żgur ma kinitx ideali l-komunikazzjoni mal-media, li l-każ twaqqaf għaliex l-akkużi ma kinux ġustifikati.
//= $special ?>