Wara sentejn li matulhom pajjiżna rreġistra tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni, jidher li dan l-andament qed ikompli fl-2015, hekk kif f’Marzu ġie reġistrat tnaqqis, anke meta wiehed ineħħi l-fuels, ta’ 3%. Din ix-xejra negattiva fl-esportazzjoni tippersisti fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Huwa mportanti li dawn is-sinjali ekonomiċi jittiehdu iktar bis-serjetà minn Gvern li jgħid li jisma’, fi sfond li t-tkabbir ekonomiku jista’ jkun sostenibbli fit-tul, permezz ta’ esportazzjoni b’saħħitha.
Dan it-tagħrif, ippubblikat illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jikkumplimenta informazzjoni dwar il-produzzjoni industrijali li l-ġimgħa li għaddiet wkoll wriet sinjali ta’ tħassib. L-NSO filfatt ikkonfermat li ġie rreġistrat tnaqqis ieħor fil-produzzjoni industrijali, li ċkienet f’disa’ mill-aħħar tnax-il xahar.
Għal darb’oħra, dan juri li l-oqsma produttivi tal-ekonomija ta’ pajjiżna, jiġifieri l-industrija u s-settur tal-manifattura, qed ikomplu jnaqqsu r-ritmu tagħhom u l-kontribuzzjoni għall-ħolqien tal-ġid f’pajjiżna.
Jekk din ix-xejra se tkompli tippersisti minghajr ma tiġi indirizzata, għall-ħaddiema dan ser ifisser inqas kundizzjonijiet tajbin, inqas opportunitajiet biex jiżvillupaw il-karrieri tagħhom u inqas flus fil-but. Dan huwa frott nuqqas ta’ viżjoni minn naħa tal-Gvern ta’ kif il-manifattura Maltija tista’ tkompli tattira investiment ta’ valur miżjud, kif ukoll nuqqas ta’ inċentivi speċifiċi mmirati biex l-industrija ta’ pajjiżna tkompli ssir aktar innovattiva, tesplora swieq ġodda u b’hekk tkompli tikber.
L-Oppożizzjoni tappella sabiex il-Gvern ma jkomplix jinjora dawn is-sinjali ta’ tħassib għall-manifattura u l-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna għaliex b’nuqqas ta’ impenn u azzjoni, il-Gvern se jkun qed jimmina settur importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna, dak tal-manifattura, li tipprovdi għajxien għal eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom.
//= $special ?>