Internazzjonali

Mart Schumacher tbiegħ propjetajiet tal-familja għax żewġha mhux se jerġa’ jiġi għal li kien

Corinna Schumacher, mart l-eks-Champion tal-Formula 1 Michael Schumacher, biegħet l-ajruplan privat tal-familja u villa li kienu jużaw għall-vaganzi, għal kważi €35 miljun, għax illum il-ġurnata taċċetta li żewġha mhu se jerġa’ qatt lura għal li kien.

Corinna Schumacher temmen li żewġha mhu se jerġa’ qatt ikun f’kundizzjoni li jfiq kompletament u jgawdi ħajja normali wara l-inċident ikrah, tal-aħħar tal-2013 waqt li kien skiing fl-Alpi Franċiżi, li ħallieh kważi għal mejjet.

Michael Schumacher baqa’ sa Ġunju li għadda f’koma u minn dakinhar ’l hawn beda għaddej trattamenti kontinwi l-ġurnata kollha f’daru fl-Iżvizzera.

Skont rapporti f’ġurnal Ġermaniż, minn fejn joriġina Schumacher, it-tobba ftit li xejn raw progress wara li Schumacher ħareġ mill-koma, u għadu s’issa ma jiċċaqlaqx u ma jistax jitkellem. Irrappurtaw ukoll li martu qed tikkunsidra li tbiegħ il-villa li l-familja għandha fl-Alpi Franċiżi hekk kif it-tobba ftit li xejn għandhom tama li l-ekssportiv jista’ qatt jirkupra.

Irrappurtaw ukoll li martu, li għandha l-istess età tal-ekssewwieq tal-F1, jiġifieri 46 sena, qed tmexxi hi l-imperu ta’ €760 miljun imma ddeskrivewha bħala persuna weħidha f’imperu tad-deheb. Quddiem id-dar tagħhom twaqqfu tined bit-tama li jostakolaw lill-fotografi milli jieħdu ritratti ta’ Schumacher fis-siġġu tar-roti.

Schumacher hu meqjus wieħed mill-iktar sewwieqa ta’ suċċess fl-istorja tal-F1. Rebaħ seba’ kampjonati dinjija, iktar minn kull sewwieq ieħor fl-istorja, u hu l-uniku sewwieq li spiċċa dejjem fl-aħjar tliet pożizzjonijiet f’kull tellieqa fi staġun u kiser ir-rekord tal-iktar drabi li spiċċa fuq il-podju.

Skont is-sit elettroniku uffiċjali tal-Formula Wieħed, hu “statistikament l-ikbar sewwieq li l-isport qatt ra”.

Uliedu, Gina ta’ 17-il sena u Mick ta’ 16-il sena, huma wkoll sportivi. Bintu qed tibda tagħmel isem fil-qasam taż-żwiemel waqt li ibnu diġà qed itellaq fil-Formula 4 u ħafna qed iqisuh b’talent promettenti għall-futur.