Lokali Parlament

“Qatt ma kont involut fl-investigazzjoni tal-każ ta’ John Dalli” – l-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit

Ebda ‘handover’ mill-eks Kummissarju Peter Paul Zammit

L-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit qal li qatt ma kien involut fl-investigazzjoni tal-pulizija fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Ray Zammit qal dan meta kien qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament fil-każ ta’ ksur ta’ privileġġ mressaq mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, Ray Zammit – li kien Aġent Kummissarju tal-Pulizija bejn Lulju u Diċembru tas-sena li għaddiet – qal li fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħa kien li bagħat għat-tim il-ġdid tal-investigaturi f’dan il-każ biex jagħtih l-aħħar dettalji dwar l-andament tal-każ.

It-tim investigattiv kien magħmul mid-Deputat Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistent Kummissarju Antoine Casha, is-Supretendent Pawlu Vassallo u l-Ispettur Jonathan Ferris, filwaqt li t-tim investigattiv oriġinali kien magħmul mill-eks Kummissarju John Rizzo, l-Assistent Kummissarju (illum Kummissarju) Michael Cassar, l-eks Deputat Kummissarju Joe Cachia u l-Ispettur Angelo Gafa’.
Ray Zammit kompla li hu, flimkien mat-tim investigattiv, iltaqa’ mal-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Avukat Donatella Frendo. Hu qal li għalissa il-pożizzjoni tat-tim kienet li jkun konkluż il-każ fil-konfront ta’ Silvio Zammit qabel tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ta’ John Dalli.

Mistoqsi minn Chris Said, Ray Zammit qal li hu ma ngħata ebda handover mill-Kummissarju uxxenti Peter Paul Zammit.

Matul il-laqgħa tqassmu kopji tax-xhieda li ta l-Kap tal-Aġenzija tal-UE kontra l-Frodi l-OLAF Giovanni Kessler quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Marzu li għadda fil-każ li għaddej bħalissa kontra Silvio Zammit. Sa issa għad m’hemmx risposta dwar jekk il-Kummissjoni Ewropea awtortizzatx lil Kessler biex jixhed quddiem il-Kumitat tal-Privileggi tal-Parlament.

Issa li sar magħruf min huma l-membri tat-tim investigattiv il-ġdid, id-Deputat Chris Said indika li l-Oppożizzjoni hi nteressata li tressaqhom jixhdu quddiem il-kumitat minbarra l-istess Giovanni Kessler kif ukoll lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

 

Konrad Mizzi jibqa’ jsostni dak li qal fil-konfront ta’ George Pullicino

Iktar kmieni matul l-istess laqgħa, l-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia qara l-ittra li rċieva mid-Deputat George Pullicino li fiha ħabbar li se jirtira l-każ ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront ta’ Konrad Mizzi għaliex hu ċar li mhux possibbli li kumitat jeżamina aġir ħażin ta’ Ministru meta l-istess Kumitat għandu maġġoranza tal-Membri tal-Gvern. Hu sfida lill-Ministru Konrad Mizzi biex jirrepeti dak li qal barra mill-Parlament biex jieħu azzjoni immedjata quddiem il-Qorti.

Il-Viċi Prim Ministru Louis Grech oġġezzjoni għat-terminoloġija partiġġjana użata fl-ittra. Il-Ministru Konrad Mizzi, li kien preżenti waqt il-laqgħa, qal li hu jibqa’ jsostni dak li qal u mhux se jirtirah.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-ittra hi ċara u r-raġunijiet wara din id-deċiżjoni hi ċara wkoll. Qal li jekk il-Ministru Konrad Mizzi verament irid li jingħalaq il-każ, għandu jirtira dak li qal fil-konfront tad-Deputat George Pullicino.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li issa l-każ kien irtirat. Dwar ir-rimarki rigward il-Kumitat tal-Privileġġi, Anġlu Farrugia qal li l-Kumitati huma regolati mill-Kamra tad-Deputati u jekk hemm min irid bidla, hemm bżonn bidla fl-istanding orders.