Internazzjonali

Tensjoni bejn il-Maċedonja u l-Kosovo

Il-Maċedonja qalet li ħames irġiel tal-Kosovo kienu mexxew il-grupp tal-elementi armati involut fl-aħħar konfronti qattiela mal-qawwiet tas-sigurta fil-belt ta’ Kumanovo.
Inqatlu fil-ġlied tmien uffiċjali tas-sigurta u erbatax fost l-aggressuri; bl-awtoritajiet tal-Maċedonja jakkużaw membri tal-eks Armata għall-Kosovo Ħielsa (entita li llum sfaxxat) bħala protagonisti wara l-vjolenza li anki ħalliet mal-40 pulizija midruba.
Il-konfronti seħħew fl-inħawi qrib il-fruntiera mal-Kosovo u l-kelliema għall-Ministeru tal-Intern, fi Skopje, qalu li l-inkursjoni tal-elementi armati ‘issa spiċċat’. Ingħad ukoll li l-awtoritajiet Maċedoni ħatfu ammont kbir ta’ armamenti mill-inħawi.
L-istess kelliema identifikaw lill-ħames irġiel ‘aggressuri’ b’isimhom u sostnew li dawn l-elementi kienu ‘l-kapijiet’ tal-grupp armat li, nhar is-Sibt, iġġieled mal-pulizija f’subborg ta’ Kumanovo, li jinsab xi 40 kilometru lejn it-Tramuntana ta’ Skopje.
Mifhum ukoll li aktar minn 30 ‘terrorista’ – fil-parti kbira ċittadini tal-Maċedonja u raġel Albaniż – spiċċaw iċedu lill-pulizija.
Il-Prim Ministru tal-Maċedonja, Nikola Gruevski, sostna li l-grupp tal-armati partikolari kien ipprova jiddistabbilizza lill-Maċedonja, filwaqt li radd ħajr lill-qawwiet tas-sigurta lokali li rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni.