Il-provi tal-missila ballistika li wettaq ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq, fi tmiem il-ġimgħa, inkwetaw lill-Gvern tal-Korea t’Isfel li fisser l-azzjoni tal-Komunisti bħala serja ħafna.
Il-missila inkwistjoni kapaċi tkun sparata minn sottomarin u l-uffiċjali tad-difiża f’Seoul issuġġerew li r-reġim fi Pyongyang jista’ jkollu sistema missilistika li tiffunzjona bis-sħiħ sa sentejn jew tliet snin oħra.
Ir-rapporti tal-istampa Koreana Komunista qalu li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, kien preżenti personalment għall-provi tal-missila fuq il-baħar. Intant, l-iżvilupp jista’ jikkostitwixxi theddida ġdida għall-ġirien tal-Korea ta’ Fuq u għall-Istati Uniti.
Il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel ħeġġeġ biex Pyongyang ma jkomplix jiżviluppa l-missili ballistiċi li kapaċi jkunu sparati mis-sottomarini, u dan fl-istess waqt li din l-inizjattiva tal-Komunisti qed ixxekkel l-istabbiltà fil-peniżola Koreana.
Intant, kelliema f’Seoul qalu li l-Korea ta’ Fuq xorta teħtieġ iż-żmien biex tiżviluppa tagħmir addizzjonali biex tiffunzjona s-sistema missilistika tas-sottomarini.
Tħassib dwar it-theddida ġdida mill-Korea ta’ Fuq
