Lokali

Tħassib serju dwar l-aġir taċ-Chairman tal-BOV

Aktar Laburisti tal-qalba fil-BOV jkomplu jingħataw somom kbar ta’ flus b’deċiżjonijiet partiġjani hekk kif il-ħaddiema ilhom bla żidiet sentejn minn meta skada l-ftehim kollettiv fl-2013

Wara l-istorja esklussiva li ħabbar il-mument aktar kmieni dan ix-xahar, li żvela kif is-Segretaru Parlamentari Michael Falzon, kif ukoll iċ-Chief of Staff tiegħu ngħataw l-early retirement mill-Bank of Valletta, kienu bosta dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon u esprimew tħassib għall-mod kif qed jiġu sparpaljati miljuni ta’ ewro fi flus tal-azzjonisti mingħajr l-ebda bżonn.

Fi żvilupp ieħor fi storja ppubblikata llum fuq il-gazzetta In-Nazzjon, qed jiġi żvelat kif numru kbir ta’ impjegati li avviċinaw lill-gazzetta qed isostnu li hekk kif qed isir dan l-isparpaljar ta’ miljuni ta’ ewro biex igawdu dawk tal-qalba, il-ħaddiema ilhom bla żidiet għal dawn l-aħħar sentejn għaliex l-aħħar ftehim kollettiv issa ilu li skada sa mill-aħħar tal-2013.

Ħafna huma dawk li qed isostnu li dan l-aġir li qed iseħħ fil-BOV, juri kif iċ-Chairman Cassar White illum għandu kontroll assolut fuq it-tmexxija tal-Bank mingħajr l-ebda checks and balances hekk kif tkissret għal kollox is-sistema ta’ Corporate Governance li kienet tiggarantixxi separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-management u dawk tal-Bord tad-Diretturi. B’hekk iċ-Chairman illum qiegħed jieħu deċiżjonijiet li jipprova jżomm mistura.

Early retirement u bl-għażla li jista’ jirritorna fil-Bank
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li d-deċiżjoni li tingħata l-early retirement lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, biex ibbenefika minn somma ta’ €200,000 jew aktar, hi waħda li tqajjem ħafna tħassib dwar kif qed jitmexxa l-Bank b’kontroll assolut miċ-Chairman Cassar White.

Dan għaliex dawn il-ħlasijiet f’pakketti ta’ early retirement, ma jaqgħu taħt l-ebda skema formali tal-Bank. B’hekk dawn id-deċiżjonijiet huma għal kollox riżultat tal-aġir taċ-Chairman Cassar White li qed juża r-Remuneration Committee tal-Bank bħala paraventu sabiex ma jidhirx li ħa d-deċiżjoni waħdu.

F’din is-sitwazzjoni serja, saħqu s-sorsi li tkellmu mal-gazzetta, l-unika garanziji jistgħu jagħtuhom l-MFSA u l-Joint Supervisory Team bil-parteċipazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li għandu f’idejh is-superviżjoni tal-BOV. Iżda jirriżulta li s’issa ma kien hemm l-ebda intervent mir-regolaturi, possibbilment għaliex dawn id-deċiżjonijiet qegħdin jinżammu mistura minnhom ukoll.

Iżda jidher li l-każ ta’ Michael Falzon hu aktar sfaċċat. Dan għaliex skont diversi fil-qalba tal-BOV li tkellmu ma’ In-Nazzjon, jidher li fil-kuntratt ta’ early retirement, apparti s-somma fenomenali ta’ €200,000, Falzon ingħata l-għażla li jirritorna lura fil-BOV jekk dan ma jibqax iservi bħalal membru tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Dan kollu sar b’nuqqas ta’ trasparenza u bi sforzi straordinarji biex l-informazzjoni dwar din id-deċiżjoni mfissra bħala tal-mistħija, ma toħroġx mill-ħitan tal-uffiċċju taċ-Chairman fil-House of Four Winds, fil-Belt.

Każ ieħor li joħloq aktar mistoqsijiet
L-istess jista’ jingħad fil-każ ta’ Richard Dimech, li qatta’ ħames snin sekondat fl-uffiċċju tal-President ta’ Malta bħala l-assistent personali tal-President George Abela, u li issa, wara li ntemm it-terminu tal-presidenza, mexa fil-kariga ta’ Chief of Staff fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Michael Falzon.

Anke f’dan il-każ, Dimech, waqt li hu sekondat u allura ma kienx qed jokkupa post il-Bank, ingħata early retirement u b’hekk iggwadanja somma li tqarreb il-€200,000.

“Din tmexxija li toħloq ħafna dubju u mistoqsijiet, u mhux serja u professjonali”, sostnew is-sorsi qrib il-Bank.

Żewġ promozzjonijiet, early retirement u top job mal-gvern
Każ ieħor hu dak ta’ Noel Abela – pampalun Laburista li ngħata żewġ promozzjonijiet f’temp ta’ ftit xhur miċ-Chairman Cassar White.
Abela kien l-uniku impjegat tal-Bank li ngħata promozzjoni fil-grad ta’ Executive Head 1, u ftit ġimgħat wara sar magħruf li ngħata l-early retirement b’somma oħra li tqarreb il-€200,000. Fi żvilupp ieħor, ġranet wara tħabbar li Abela ngħata top job mal-gvern bħala Chief of Staff fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Jidher li l-kredenzjali ta’ Abela huma li kapaċi jinċensa lill-Prim Ministru Muscat fuq Facebook filwaqt li jattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni, sostnew is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon.

Promozzjoni, early retirement u wara tingħata konsulenza
Każ ieħor flagranti hu dak tal-attivista Laburista Monica Borg, li tokkupa l-kariga ta’ Assistenta taċ-Chairman Cassar White u li ngħatat promozzjoni għal grad ta’ Executive Head 1 ftit wara li dan sar Chairman.

F’deċiżjoni oħra li ttieħdet fil-magħluq, Cassar White ta l-early retirement lil Borg biex din tħallset f’daqqa s-somma ta’ tliet snin salarju jew madwar €200,000. Iżda dan mhux kollox għaliex lil Borg, iċ-Chairman offrielha wkoll kuntratt ta’ konsulenza ta’ €30,000 fis-sena għas-sentejn li ġejjin.

Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon sostnew li dawn huma deċiżjonijiet karatterizzati minn nuqqas ta’ trasparenza u qed iqajmu mistoqsijet kbar fost il-ħaddiema u l-azzjonisti, u qed iwasslu wkoll għal demotivazzjoni fost l-impjegati.