Lokali Parlament

Wara sentejn u xahrejn il-Gvern ta’ Muscat għadu jevalwa wegħda elettorali

Wara sentejn u xahrejn, il-Gvern ta’ Muscat għadu jevalwa l-wegħda li għamel il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni lill-azzjonisti tal-La Vallette Manager Property Fund tal-Preferred Perpetual Securities li kienu mwiegħda soluzzjoni malajr u jingħataw il-kapital tagħhom lura. Il-Partit Laburista wkoll kien wiegħed li se jingħataw kumpens aħjar fil-każ tal-Property Fund.

Fil-Parlament, illejla it-tweġiba bil-miktub tal-Ministru Edward Scicluna għall-mistoqsija tax-Shadow Minister Claudio Grech, kienet li l-Gvern għadu qiegħed jevalwa s-sitwazzjoni u qal li se jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-ħin adattat.

Claudio Grech irrimarka li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni kien saħaq li kien se jsib soluzzjoni immedjata u kien talab ukoll lill-gvern preċedenti biex isib soluzzjoni dwar il-problemai relatati mal-La Vallette Manager Property Fund. Staqsa għaliex għaddew aktar minn sentejn u mhux biss għadu ma solvihiex, iżda għadu jevalwa l-problema.

Il-Ministru Evarist Bartolo li kien qiegħed iwieġeb għall-Ministru tal-Finanzi, qal li s-sitwazzjoni hi kumplikata iżda l-Gvern hu kommess li l-wegħda tal-ħlas lil dawk milquta tkun indirizzata b’soluzzjoni.

Claudio Grech qal li l-mistoqsija parlamentari saret fuq il-premessa ta’ dak li kien iwiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni, u staqsa meta se tinstab is-soluzzjoni immedjata li wiegħed, u jekk hux se jżomm mal-pożizzjoni tal-2012 li dawn se jingħataw il-kumpens skont il-merti li kien tkellem dwarha meta kien fl-Oppożizzjoni.

Il-Minsitru Bartolo wieġeb li qed jiġu preparati l-għodod neċessarji biex tinstab din is-soluzzjoni.