Fil-ġimgħat li għaddew, bl-użu ta’ Ħaddiema tal-Gvern u permezz ta’ materjal ipprovdut mill-Gvern, saret triq privata fir-raba’ fin-Nadur. Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-Nazzjon irrapporta kif ix-xogħol sar fuq propjetà privata ta’ neputi ta’ eks Deputat Laburista, qrib ħafna tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
F’dawn ix-xogħlijiet, ngħatat il-konkos lid-daħla tal-proprjetà u, minbarra li ngħatat dehra isbaħ u aktar pulita, issa saret aktar aċċessibbli. Din it-triq fir-raba’ hi magħluqa permezz ta’ grada u fuqha hemm indikat ċar li din hi strettament propjetà privata, tant li l-aċċess għaliha jrid ikun wieħed awtorizzat.
In-Nazzjon irrapporta li qabel ma ngħata l-konkos, li kien fi kwantitajiet sostanzjali, saru diversi xogħlijiet oħrajn biex l-art setgħet tassorbi fiha l-għoti tal-konkos. Kollox jindika li x-xogħol kien awtorizzat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex, li kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern qed jitmexxa minn Anton Debono magħruf bħala “In-Niksu”. Dan jiġi ħu l-eks Membru Parlamentari Laburista Lino Debono.
Dan il-każ ikompli mal-katina twila ta’ xogħlijiet fil-privat li saru fl-aħħar sentejn fuq struzzjonijiet tal-Ministeru għal Għawdex. Ir-rapporti żvelati fl-aħħar ġimgħat dwar ix-xogħlijiet fil-privat fuq ordni tal-Ministeru għal Għawdex wasslu biex il-Pulizija ta’ Kontra l-Frodi elevat numru ta’ files mill-Ministeru għal Għawdex bl-iskop li jkunu investigati b’rabta max-xogħlijiet fil-privat b’ħaddiema u b’riżorsi tal-Gvern.
//= $special ?>