Ambjent Lokali Parlament

Appell għal investiment finanzjarju fl-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima

Il-Gvern ma qalx kif se jġib l-4% ta’ enerġija nadifa li kien se jiġġenera mill-proġett ta’ windfarm li waqqaf hu stess

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus sejjaħ lill-Gvern juri bil-fatti impenn favur it-tibdil fil-klima. Il-Gvern irid juri impenn li jiffinanzja inizjattivi li jiġġieldu l-isfidi tat-tibdil fil-klima għax jekk ma jsirx dan, l-Abbozz ta’ Liġi dwar azzjoni għal Tibdil fil-Klima li qiegħed jiddiskuti l-Parlament, ma jkollu ebda saħħa u valur.

Ryan Callus, Kelliem għall-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura, qal li s-settur importanti tat-tibdil fil-klima hi responsabbiltà fuq kull gvern, fuq kull Oppożizzjoni u mhux biss, fuq il-poplu tagħna wkoll għaliex jeħtieġ li jkun hemm twemmin mill-poplu dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima u r-rieda li naġixxu f’dan is-sens.

Sejjaħ dan l-Abbozz bħala miżura pożittiva li qed tistabbilixxi qafas legali li fih it-tbdil fil-klima se tkun indirizzata bi struttura legali li titlob lill-pajjiż għal azzjoni fit-tibdil fil-klima.

Dak li nagħmlu llum ikollu impatt fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna
Ir-responsabbiltà hi f’idejna, saħaq Ryan Callus, għaliex dak li nagħmlu llum ikollu impatt fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Semma d-diversi inizjattivi li ttieħdu mill-gvern Nazzjonalista fosthom l-istrateġija nazzjonali biex jinqatgħu l-emissjonijiet fl-arja fejn kienet qed tħares ‘il quddiem b’numru ta’ inizjattivi. Fosthom ken hemm l-inizjattiva li tinġieb bidla fil-kultura li kienet teħtieġ kunsens bejn kulħadd għaliex trid tipprepara lill-poplu, l-aktar dawk b’età żgħira, b’kultura ġdida li dak kollu li nagħmlu għandu impatt fuq l-ambjent u l-klima.

Appell għal kunsens u ħidma tal-Parlament kollu mhux biss tul din il-leġiżlatura iżda aktar lil hinn
L-Oppożizzjoni qed titkellem u tappella għal kunsens u ħidma tal-Parlament kollu li trid tibqa’ għaddejja mhux biss tul din il-leġiżlatura iżda aktar lil hinn.

Kien hemm il-proposta għal kampanja ta’ kuxjenza akbar dwar l-impatt ta’ dak kollu li nagħmlu fuq l-ambjent, is-sehem akbar mis-soċjetà ċivili u l-korpi kostitwiti, it-twaqqif tal-Awtorità dwar ir-Riżorsi, l-importanza tal-istatistika biex nanalizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima, l-impenn li l-enerġija mill-impjant tal-BWSC tinqaleb għall-gass, il-proġett tal-interconnector u diversi skemi għal aktar effiċjenza fl-użu tal-elettriku.
Irrifera wkoll għall-politika li ġiet introdotta għas-separazzjon tal-iskart u l-għeluq tal-miżbla tal-Magħtab, ir-riforma fit-trasport pubbliku b’karozzi li jnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja, u l-istrateġija oħra dwar il-klima.

Irrifera għall-pjan dwar ir-rinnovazzjoni tal-enerġija li kien ukoll ġie varat, u li kien iwassal biex pajjiżna wkoll jilħaq il-miri Ewropej u internazzjonali, u kif se nżidu l-enerġija minn sorsi nodfa. Fakkar li pajjiżna hu marbut li 10% tal-ġenerazzjoni tal-enerġija trid tiġi minn sorsi nodfa sal-2020.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni esprima d-dispjaċir li l-gvern illum waqqaf il-proġett tal-windfarm fuq is-Sikka l-Bajda – proġett li kien se jilħaq 4% mill-10% li rridu nilħqu sa ħames snin oħra.

L-Oppożizzjoni għadha ma tafx kif il-Gvern se jilħaq din il-mira ta’ 10%, u kif se jissostitwixxi l-mira ta’ 4% li kienet se tinkiseb mill-proġett tal-windfarm.

Il-Gvern għandu jippubblika l-istudju dwar l-art fejn se tinbena l-università Amerikana
Irrifera wkoll għall-aħbar li ngħatat dan l-aħħar dwar art li fuqha se tinbena università ġdida u rrimarka li l-istudju tal-MEPA li ntqal li ġie kkunsidrat fi studju preliminari, hu qatt ma ra bħala membru f’isem l-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA. Appella lill-Gvern jippubblika l-istudju dwar l-art fejn se tinbena l-università Amerikana u li dwarha l-MEPA diġà ddikjarat li s-sit hu aċċettabbli filwaqt li l-PM jgħid li se jinstab sit alternattiv.

Id-Deputat Nazzjonalista talab lill-Gvern jgħid fiex wasal l-istate of the environment report, rapport li jieħu ritratt tal-kundizzjoni ambjentali li jinsab fiha pajjiżna, u li dwaru sar ħafna xogħol mill-aministrazzjoni preċedenti.

Dwar il-punti ewlenin tal-Abbozz, Ryan Callus semma n-nuqqas ta’ trasparenza, il-fatt li jissemmew li se jiġu ppubblikati żewġ strateġiji mingħajr ma jiddikjara li se jkun qiegħed jagħmel konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.

Proposti mill-Oppożizzjoni
Saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq proposta biex is-soċjetà ċivili tkun trid tiġi kkonsultata bi dritt.
L-Abbozz isemmi wkoll li se jkollna bord li jfassal l-istrateġija, u bord ieħor li jonfoq il-flus biex jimplimenta l-istrateġija mingħajr ma jingħad imkien fil-liġi li dawn iż-żewġ bordijiet għandhom jikkumplimentaw lil xulxin.

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq proposta biex torbot dawn il-fondi li jintefqu skont dak li jiġi deċiż fl-istrateġija, u dan biex ikollna qafas leġiżlattiv b’saħħtu.

Irrimarka wkoll dwar l-importanza tal-eżempju tas-servizz pubbliku fl-azzjoni tiegħu favur it-tibdil fil-klima.

Semma b’dispjaċir ir-riżenja tal-membri tal-Kummissjoni dwar il-Gwardjani tal-Ġenerazzjonijiet Futuri u saħaq li dan seħħ għaliex il-Kummissjoni ħassiet li ma kienx hemm rieda politika u l-ebda impenn finanzjarju. Appella biex il-fond ma jispiċċax mingħajr investiment u fondi finanzjarji.