Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Appell lill-Gvern biex jisma’ u ma jirromblax minn fuq l-Oppożizzjoni u l-Kunsilli Lokali

L-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern fit-tibdil propost mill-Gvern dwar il-Kunsilli Lokali jekk iħalli barra t-tibdil għal sistema differenti ta’ kif isiru l-elezzjonijiet lokali

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jisma’ u jkun hemm il-kunsens dwar tibdil fiż-żmien li fihom għandhom isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, u ma jirromblax minn fuq l-Oppożizzjoni, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u taż-żewġ deputati tal-Gvern Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li fil-bidu tad-dibattitu esprimew opinjoni wkoll kontra li jitneħħew l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fl-2017 biex dawn jitwalu minn erba’ snin għal ħames snin.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, Żgħażagħ u Sport, appella lill-Gvern ma jibqax għaddej bil-proposta tal-Abbozz ta’ Liġi kif qed iressaqha, u jifred il-proposta b’rabta mat-tibdil fiż-żmien tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li qed twassal għal nuqqas ta’ qbil bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern.

Jekk il-Gvern jirtira minn dan l-Abbozz ta’ Liġi l-proposti b’rabta maż-żmien meta jsiru l-elezzjonijiet lokali, l-Oppożizzjoni se tappoġġja lill-Gvern fil-proposti li qed iressaq għall-Kunsilli Lokali.

David Agius kien qed jitkellem fil-Parlament fid-dibattitu li għaddej dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qiegħed jipproponi emendi għal-Liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali, fost l-oħrajn li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u t-terminu ta’ kull kunsill jitwal għal ħames snin.

Interruzzjonijiet kontinwi mill-membri tal-Gvern
Id-diskors kollu li għamel il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, kien karatterizzat minn interruzzjonijiet kontinwi u għajat min-naħa tal-membri tal-Gvern, l-aktar mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo u mid-Deputat Laburista Joe Debono Grech, u f’każijiet oħrajn mill-Ministru Manwel Mallia kif ukoll mill-Ministru Owen Bonnici li beda jitlob diversi drabi lis-sedja biex jagħti spjegazzjoni.

F’mument minnhom, l-Ispeaker saħansitra kellu jiġbed l-attenzjoni tas-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo li kien qiegħed ifixkel lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista fakkar li kull darb li sar tibdil fil-liġi elettorali, dejjem sar it-tibdil bi qbil u dan il-Gvern illum mhux isib il-linja tal-kompromess bejn Gvern u Oppożizzjoni. Irrimarka li l-Gvern qatt ma talab li jiltaqa’ mal-Oppożizzjoni biex jinstab kompromess.

Għall-argument tal-Gvern bil-posponiment tal-elezzjonijiet lokali posposti jiġu ffrankati l-flus, David Agius staqsa jekk din hix il-vera raġuni wara li l-Prim Ministru wkoll kien iddikjara li l-poplu għejja jivvota fil-pajjiż. Saħaq li dawn huma raġunijiet biex jinħbew ir-raġunijet veri, bħalma qed jiġri wkoll fil-proġett li qed jgħid li għandu l-Gvern fl-università l-ġdida li jrid jibni.

Mhu veru xejn li hawn qbil bejn il-partijiet kollha biex it-terminu ta’ żmien tal-kunsilli lokali jitwal għal ħames snin. David Agius saħaq li l-Oppożizzjoni trid li l-elettotrat u ż-żgħażagħ joħorġu jivvutaw kif għamlu f’April li għadda.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa jekk ikollniex demokrazija aħjar jew dittatura jekk jitneħħew l-elezzjonijiet lokali.Appella wkoll lill-Gvern biex iħalli l-elezzjonijiet tal-2017 li jmiss u jibda jiddiskuti fuq l-elezzjonijiet ta’ wara.

Dwar il-vot tas-16 liż-żgħażagħ li ftaħar bih il-Gvern, David Agius qal li b’dak li qed jipproponi li jtawwal l-elezzjonijiet lokali kull ħames snin, il-Gvern qed jagħtihom il-vot u mbagħad jeħodulhom għaliex jgħidilhom li mhux se jkun hemm votazzjoni għax bl-Abbozz ta’ Liġi propost, qed ineħħilhom l-elezzjoni.

Hawn għatx biex il-Kunsilli Lokali jaħdmu u jkollhom il-fondi
Hu żball li l-Gvern qiegħed jistrieħ għaliex qassam malajr miljun ewro lill-Kunsilli Lokali, u saħaq li hawn għatx biex il-Kunsilli Lokali jaħdmu. Kien għalhekk li kien hemm talba qawwija biex il-kunsilli jieħdu minn dawn il-fondi.

Staqsa lill-Ministru jekk tax każ ir-rapport ta’ esperti mill-Kunsill tal-Ewropa minn diversi pajjiżi li rrakkomandaw lill-Gvern f’Novembru li għadda, għal Kummissjoni biex jiġi rivedut l-operat tal-kunsilli lokali. Kien suġġerit ukoll li jitnaqqsu n-numru ta’ kunsilli lokali fost l-oħrajn. Staqsa jekk il-Gvern jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet li saru.

Rapport li juri wkoll li 70 fil-mija tal-kunsilliera qed jgħidu li l-kunsilli lokali ma jqisux li l-fondi huma adegwati. Appella lill-Gvern flok liġi li jneħħi l-elezzjonijiet fl-2017, iressaq għad-diskussjoni fil-Parlament ir-rapport tal-Kunsill Ewropew.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern m’għandu ebda impenn politiku u talab lill-Gvern jitkellem dwar il-politika għar-reġjuni. Hemm ukoll proposti dwar dan mis-Segretarji tal-Kunsilli Lokali.

Ikkritika lill-Gvern li mhux kapaċi jsaħħaħ lill-Kunsili Lokali, jindirizza l-bżonnijiet tal-kunsilli lokali u kif ikollhom biżżejjed fondi.

David Agius tkellem ukoll dwar dak propost b’rabta mal-onorarja tas-Sindki u semma li dan l-Abbozz qed jagħti d-dritt tal-għażla li parti mill-onorarja tkun suġġett għall-Att tas-Sigurtà Soċjali. L-Oppożizzjoni taqbel ma’ din il-proposta iżda appella lill-Gvern jagħti lill-kunsilli l-awtonomija u l-għodda lill-Kunsilli Lokali u l-fondi meħtieġa.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista jibdel il-fehma u issa jaqbel mal-Gvern
Wara dan l-appell tad-Deputat Nazzjonalista David Agius, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, id-Deputat Godfrey Farrugia li kien esprima opinjoni favur id-dritt li l-elettorat jibqa’ jivvota kull erba’ snin u ma jitwalx għal ħames snin, fil-Parlament bidel dik l-opinjoni u qal fil-Parlament li f’laqgħa li saret tal-Grupp Parlamentari Laburista, sema’ l-ispjegazzjoni tal-Ministru tal-Kunsilli Lokali u qal li issa jaqbel mal-perjodu ta’ ħames snin.