Għexieren ta’ nies mietu, u aktar minn 1,000 indarbu, konsegwenza ta’ terremot kbir ieħor li laqat lin-Nepal dalgħodu. Skont l-aħħar kummenti tal-awtoritajiet, iċ-ċifra finali tal-vittmi f’din iz-zona tista’ tkun waħda sostanzjali. Dan it-terremot inħass ukoll fil-Bangladesh u lejn it-Tramuntana tal-Indja, fejn mietu talanqas sbatax.
It-theżżiża laqtet l-inħawi ta’ Namche, qrib il-Muntanja Everest, u eluf ta’ residenti mwerwrin imlew it-toroq ta’ Kathmandu, il-belt kapitali tan-Nepal, f’xeni ta’ paniku assolut.
It-terremot, li kien jimmarka 7.3 fuq l-Iskala Richter, heżżeż iz-zona proprju ġimagħtejn wara li n-Nepal kien intlaqat mit-terremot kbir (ta’ 7.8) li ħalla mat-8,000 persuna mejta fl-inħawi.
Ir-residenti f’Kathmandu qalu li ħassew l-art titriegħed taħt saqajhom għal ħafna ħin. Uħud sostnew li raw il-ġebel qed itir minn fuq muntanja madwar il-belt kapitali, u dan meta r-residenti f’Kathmandu għadhom qed jippruvaw jistejqru mill-impatt tat-terremot ‘storiku’ tal-25 ta’ April li biddel iz-zona f’wied ta’ straġi.
L-awtoritajiet fin-Nepal qalu li hemm ammont ta’ mejtin fil-belt ta’ Chautara, lejn il-Lvant ta’ Kathmandu, fejn hu mifhum li ġġarrfu għadd ta’ binjiet. Kelliema għall-Organizzazzjoni tal-Immigrazzjoni qalu li l-iskwadri tal-emerġenzi u l-voluntieri kienu qed jaqilgħu l-katavri minn taħt it-terrapien u fl-inħawi kienu mistennija aktar theżżiżiet tal-art, magħrufa bħala ‘aftershocks’.
L-aħħar rapporti miz-zona rreferew ukoll għal valangi ‘ġodda’ fl-inħawi ta’ Chautara kif ukoll fl-inħawi ta’ Sindhupalchok u Dolakha.
Il-Prim Ministru tan-Nepal Sushil Koirala ħeġġeġ lill-poplu biex juri kuraġġ, paċenzja u perseveranza f’dan iż-żmien tassew diffiċli għalihom. Fl-istess ħin, Koirala talab lill-pajjiżi u lill-entitajiet ta’ fejda li ilhom mill-25 ta’ April jassistu lin-Nepal biex mill-ġdid juru l-id tal-għajnuna u s-solidarjetà.
L-aħħar terremot għandu jkun ikkonfermat bħala wieħed mill-akbar li qatt laqtu lin-Nepal, u t-theżżiżiet ta’ warajh mistennija jkomplu għal tul ta’ żmien fir-reġjun.
//= $special ?>