Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Il-kariga li ta l-Prim Ministru lil Pietru Pawl Zammit mhix aktar tenibbli

Muscat issa jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għażla ħażina u tal-premju li ta lil Pietru Pawl Zammit li żammu bl-istess paga f’kariga għolja

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi sejjaħ fil-Parlament il-kariga tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija, Pietru Pawl Zammit bħala Kap tas-Sigurtà taċ-CHOGM, li ippremjah biha l-Prim Ministru Muscat wara li rriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija, bħala mhux aktar tenibbli.

Il-pożizzjoni tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija saħaq Jason Azzopardi, mhix aktar tenibbli wara li Bord ta’ inkjesta ddikjara li Pietru Pawl Zammit abbuża mill-poter u ma qalx il-verità lill-Bord tal-Inkjesta.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi għamel din id-dikjarazzjoni fid-dibattitu dwar l-emendi proposti għal-Liġi tal-Kunsilli Lokali fejn l-Oppożizzjoni kompliet tikxef kif filwaqt li l-Prim Ministru kien irrimarka dwar in-nefqa pubblika biex isiru l-elezzjonijiet demokratiċi tal-Kunsilli Lokali, l-istess Prim Ministru mhux qed jiddejjaq jonfoq minn flus il-poplu u japprova direct orders b’somom kbar ta’ flus u ħatriet b’salarji għolja bħalma baqa’ jgawdi l-eks-Kummissarju tal-Pulizija meta dan kien żbalja.

Ix-Shadow Minister spjega wkoll li ma jimxix bl-istess riga meta jiżbalja impjegat mal-Gvern fi skala 12, għaliex f’każ li jiżbalja jew jitkeċċa jew jiġi sospiż, jibdew proċeduri kontrih kif għandu jkun.

Jason Azzopardi saħaq li l-eks-Kummissarju tal-Pulizija abbuża mill-poter u kien ippremjat. Żamm il-paga ta’ Kummissarju tal-Pulizija u baqa’ fil-fiduċja tal-Prim Ministru. Hu għalhekk li l-pożizzjoni għolja li għandu b’fiduċja tal-Prim Ministru, mhix aktar tenibbli.

Fakkar ukoll fid-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Muscat meta xehed quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi u kważi ftaħar li ħatar personalment hu lil Pietru Pawl Zammit. Hu għalhekk, tenna Jason Azzopardi, li Muscat issa jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għażla ħażina.

Fisser li bil-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru wara l-konklużjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta, l-aġir tal-Prim Ministru hu logħob man-nar mad-demokrazija. Fakkar li jekk jiżbalja surġent jew membru fil-Korp jiġi kkastigat kif għandu jkun. Iżda jekk jiżbalja l-Kummissarju tal-Pulizija l-Prim Ministru jippremjah.

Staqsa x’jaf fuq il-Prim Ministru Pietru Pawl Zammit biex inżamm bl-istess paga u b’kariga għolja, u saħaq li dan ma jnissilx fiduċja fit-tmexxija ta’ dan il-Gvern.