Lokali

Il-klabb tal-futbol ta’ Marsaskala jitkellem favur l-università Amerikana

Il-klabb tal-futbol ta’ Marsaskala, fi stqarrija, qal li jħares b’interess lejn il-proġett propost ta’ università ġdida f’Marsaskala u jinsab sodisfatt li l-Gvern ikkonsultah dwar l-effett tal-proġett fuq iż-żgħażagħ, id-dilettanti tal-isport u l-komunità b’mod ġenerali.

Il-klabb qal li b’dan il-proġett, il-lokalità se tgawdi minn faċilitajiet sportivi ġodda fosthom kumpless sportiv ġdid u grawnd tal-futbol full size. Saħaq li t-tfal u ż-żgħażagħ ta’ Marsaskala se jgawdu faċilitajiet f’ambjent san u atmosfera edukattiva u li l-proġett flimkien ma’ park naturali se joħloq effetti ekonomiċi. Qal li dawn kollha se jsiru f’post li bħalissa hu abbandunat.

Il-klabb tal-futbol qal li jinnota b’dispjaċir kummenti mgħaġġla u negattivi ta’ numru ta’ għaqdiet ambjentali u ħeġġeġ lill-partijiet konċernati kollha biex jiddiskutu l-opportunitajiet li joħloq dan il-proġett lill-komunità ta’ Marsaskala.

Saħaq ukoll li qatt ma ttieħdet pożizzjoni negattivi fl-aħħar snin meta ġew proposti u saru “attivitajiet ta’ ħsara” f’Marsaskala. Il-klabb qal li kien hemm silenzju wkoll hekk kif Marsaskala kiber f’inħawi residenzjali li ħadu post inħawi agrikoli u l-kampanja.

Fl-istqarrija tiegħu, il-klabb tal-futbol qal li Marsaskala kien abbandunat minn ħafna matul is-snin u qal li waqt li jirrispetta d-dritt ta’ opinjoni, “wieħed ma jistax ma jistaqsix dwar l-interess reali ta’ kwalunkwe reazzjoni negattiva u immedjata ta’ dawk li s’issa ma kellhomx interess f’din iż-żona”.

Waqt li saħaq li żona riġenerata hi ta’ vantaġġ għal-lokalità, il-klabb tal-futbol qal li bil-proġett se jingħata aċċess għall-kampanja, mhux bil-maqlub, u n-naħa t’isfel ta’ Malta se jkollha park naturali li s’issa m’għandhiex.

Il-klabb awgura lill-Gvern u lill-investituri biex ikollhom diskussjoni sana u objettiva waqt li qal li jinsab ħerqan li jikkollabora biex Marsaskala jkollha l-faċilitajiet sportivi li jixirqilha.