Bħalissa, fil-pajjiż teżisti sitwazzjoni serja għax, filwaqt li ta’ kuljum qed joħorġu numru ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż fil-konfront ta’ Ministru, l-istess Ministru għandu aċċess liberu u bla limitu għal kwalunkwe dokumentazzjoni, evidenza, u provi li jistgħu jkunu kruċjali biex il-Pulizija tkun tista’ tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar l-istess allegazzjonijiet ta’ abbuż u tressaq persuni l-Qorti.
Fid-dawl ta’ dan, hemm responsabbiltà politika li għandu jassumi mmedjatament il-Prim Ministru biex jiġi aċċertat li ma jiġix ippreġudikat il-proċess ta’ investigazzjonijiet li l-Pulizija għandha tagħmel. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha spjega s-sitwazzjoni anomala li jinsab fiha pajjiżna.
Beppe Fenech Adami kien qed jitkellem wara li ġie żvelat l-aħħar każ minn sensiela ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter ta’ xogħol fil-privat, li sar fix-xhur li għaddew fin-Nadur. Qal li minkejja dawn l-allegazzjonijiet kollha, il-Ministru Anton Refalo għadu jidħol għax-xogħol qisu xejn mhu xejn minkejja li huma biss hu, martu u l-ftit nies tal-madwar li għandhom aċċess għall-informazzjoni u l-provi kollha tal-allegati abbużi.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’Anton Refalo bħala Ministru għal Għawdex qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-persuna li hemm allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħha, x’ħin trid u bla xkiel ta’ xejn, tista’ tostor, twarrab u tbagħbas l-evidenza li jista’ jkun hemm fil-każ imressaq kontriha. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu immedjatament iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi kollu li qed isiru l-investigazzjonijiet kollha mingħajr l-ebda tbagħbis tal-provi. Insista li jinġabru l-provi kollha immedjatament biex dawn ikunu preżervati.
Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru, f’ġieħ is-serjetà, is-sewwa u t-trasparenza, għandu jieħu immedjatament dawk il-passi kollha li hemm bżonn biex il-proċess ta’ investigazzjoni bl-ebda mod ma jiġi ppreġudikat. Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jiddefendi lil Anton Refalo meta jaf li l-allegazzjonijiet kontrieh huma serji ħafna u li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali, qal Beppe Fenech Adami.
//= $special ?>