Lokali Parlament

Il-proġett tal-Gvern għal università privata jfisser il-qerda ta’ 1% tal-art agrikola

Daqqa kbira lill-bdiewa fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri kkritika lill-Gvern li bil-proġett li jrid iwettaq f’dik li qed isejjaħ bħala università privata Amerikana, se jkun qed jeqred 1% tal-art agrikola f’pajjiżna, li jkun ifisser ukoll daqqa kbira lill-bdiewa fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Meta tkellem fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament, id-Deputat Nazzjonalista kkritika wkoll lill-Gvern li qiegħed iqabbel dan il-proġett ma’ proġetti oħrajn ta’ gvern Nazzjonalista biex jiġġustifika dan il-proġett li jekk iseħħ se jkun qed jaffettwaw lill ħafna bdiewa fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Fisser li mhux ġustifikat l-argument tal-Gvern li qed iqabbel ukoll art barra miz-zona tal-iżvilupp sabiex sar il-proġett ta’ Barkat, li sar biex f’pajjiżna jsir it-tisfija tad-drenaġġ.

Stephen Spiteri qal li b’dan il-proġett li twettaq b’fondi tal-Unjoni Ewropea, Malta tqiegħdet fl-ewwel post tat-tisfija tad-drenaġġ kollu. Dan hu wkoll proġett li bih il-kosta tax-Xgħajra u Wied il-Għajn li tkompli sal-Port il-Kibr, illum hi zona ċertifikata li għandha baħar nadif.

Semma wkoll l-art ta’ madwar il-Wasteserv fejn illum hemm park nazzjonali għall-familja. Fissru li dan hu żvilupp sostenibbli li kien ippjanat.

Semma wkoll iz-zona tal-art li fuqha nbniet SmartCity u kif din kienet zona li qabel kien hemm biss fabbriki abbandunati u b’ħafna abbużi. Gvern Nazzjonalista bidel din iz-zona u rnexxielu jġib proġett li llum qed jieħu r-ruħ, iġib investimenti ġodda u saħansitra l-Gvern tal-lum jiftaħar bih meta tant kien jikkritikah.

Gvern ukoll li kien jikkritika l-iżvilupp ta’ skola ġdida għax inbniet f’art mhix daqstant kbira iżda li kienet barra miz-zona tal-iżvilupp, u li dan kien qed iwassal ukoll għal skola ġdida kull sena.

Staqsa iżda, x’se jkun il-gwadann tal-proġett li qed jipproponi llum il-Gvern, waqt li rrimarka li l-Oppożizzjoni mhix kontra investiment barranin jew investiment fl-edukazzjoni għaliex ilha tappella lill-Gvern biex jaħdem għal investiment ġdid u fuq proġetti ġodda u jitwieldu minn dan il-Gvern.

Appella lill-Gvern jaħseb fuq proġetti ta’ żvilupp sostenibbli u ma jħarisx lejn il-ftit li jgawdu b’dawn il-proġetti. Dan biex il-Gvern jassigura tqassim ġust tal-ġid.

B’rabta mal-għajta tal-Gvern li l-università ġdida hi proġett fin-naħa t’isfel ta’ Malta, Stephen Spiteri saħaq li hemm ħafna aktar oqsma li huma ta’ prijorità u li l-gvern għandu jindirizza biex in-naħa t’isfel tqum fuq saqajha. Appella lill-Gvern jibda jaħseb biex ikompli hu jwettaq proġetti ta’ riġenerazzjoni.

Semma l-bini tal-power station f’Delimara u saħaq li allaħares li Gvern Nazzjonalista ma ħasibx biex jibni power station ġdida għaliex kieku l-Gvern Laburista llum ma marx jagħlaq il-power station tal-Marsa u ftaħar b’dan ukoll. Dan hu proġett ieħor li l-Partit Laburista kien ikkritika bl-aħrax.

Semma wkoll l-investiment qawwi li Gvern Nazzjonalista beda bil-bini ta’ kampus ġdid għall-MCAST, u li fissru bħala proġett ieħor importanti fin-Nofsinhar ta’ Malta flimkien ma’ proġetti oħrajn importanti ta’ riabilitazzjoni u riġenerazzjoni fil-qalba tal-Kottonera.

Filwaqt li semma li dawn il-proġetti kienu żvilupp ta’ fejda u ta’ ġid għan-Nofsinhar ta’ Malta, Stephen Spiteri rrimarka li l-proġett li ħabbar issa l-Gvern hu kollu f’zona barra mill-iżvilupp u f’art agrikola. Staqsa lill-Gvern jafx kemm din l-art tiswa għaliex jekk tinqered, se tkun inqerdet għal dejjem.

Quddiem is-sejħiet ukoll tal-NGOs li qed isostnu li dan hu ta’ ħsara għall-ambjent, id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella lill-Gvern iġib investiment barrani li jkun sostenibbli, ta’ ġid, li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jkun verament investiment li jġib ix-xogħol, ikattar l-investiment u jkun trasparenti u ta’ ġid għas-soċjetà Maltija.