Ir-Red Bull qalu li se jkunu qed jirtiraw mil-Formula 1 jekk ma jkollhomx makna kompetittiva jew inkella l-Audi ma jingħaqdux magħhom.
Ir-Red Bull bħalissa jinsabu frustrati li l-imsieħba tagħhom Renault, naqsu milli jkollhom għarfien fuq il-makni hybrid li kienu ntrodotti fil-F1 l-istaġun li għadda u joffrulhom makna tajba.
Il-konsulent tal-motorsport Helmut Marko qal li r-Red Bull kienu nteressati li jagħmlu ftehim mal-Audi biex jidħlu fil-F1.
“Jekk ma jkollniex makni kompetittivi fil-futur qrib, allura jew l-Audi jidħlu magħna inkella aħna barra,” qal Marko.
Bħat-timijiet l-oħra kollha r-Red Bull għandhom kuntratt biex jikkompetu fil-F1 sal-2020. Huma għandhom ukoll kuntratt mar-Renault almenu sal-2016.
It-tim kellu aktar problemi waqt il-GP ta’ Spanja fi tmiem il-ġimgħa.
Problemi ta’ affidabilità fissru li s-sewwieq tar-Red Bull Daniel Ricciardo diġà uża erba’ makni li huma kemm kull sewwieq jista’ juża’ fi staġun.
Red Bull li s-sewwieq l-ieħor tagħhom Daniil Kvyat ukoll kellu problemi bil-makni, issa jafu li hu inevitabbli li se jibdew jingħataw penalità fuq il-grid talli se jużaw aktar makni.
B’kuntrast is-sewwieqa tal-McLaren Lewis Hamilton u Nico Rosberg s’issa użaw makna waħda għall-ħames tiġrijiet li saru.
“Nittama li l-problema ta’ affidabilità tkun solvuta malajr kemm jista’ jkun għaliex hu frustranti kemm qed nitilfu fid-dritta,” qal Marko.
“Ir-Renault nfushom qed jaraw din il-problema u rridu nsolvu dawn il-problemi flimkien. Mhux biss l-affidabilità imma anke minħabba li ma stajniex insuqu f’ħafna mis-sessjonijiet ta’ prattika minħabba affarijiet oħra. Hi problema wkoll ta’ kwalità.
Magħrufa l-problema tal-McLaren
Sadanittant sar magħruf li l-kaġun li Fernando Alonso kellu jirtira bil-McLaren mill-GP ta’ Spanja l-Ħadd kien minħabba li waħda mil-visors tal-elmu tiegħu stess kienet qed timblokka l-arja tal-brejkijiet ta’ wara.
Li inċident bħal dan iseħħ hu minimu ħafna imma dan wassal biex il-brejkijiet saħnu żżejjed u mbagħad falliet għal kollox is-sistema ta’ brejkijiet ta’ wara.
L-Ispanjol kien baqa’ għaddej anke fuq il-pit stop bil-konsegwenza li kien għoddu tajjar mekkaniku.
It-tim induna bil-problema eżatt kif irtira u rrealizza li din kienet ġejja mill-elmu.
Dawn huma biċċiet tal-plastik irqaq li jkunu fuq l-elmu biex jistgħu jitneħħew meta jitħammġu żżejjed biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jaraw aħjar minħabba d-debris li jtiru waqt it-tiġrija. Normalment dawn itiru mal-ġenb taċ-ċirkwit imma fil-każ ta’ Alonso jidher li din inqabdet mill-arja fuq il-karozza u niżlet dritt fuq minn fejn tgħaddi l-arja tal-brejkijiet.
//= $special ?>