Internazzjonali

Is-sitwazzjoni fiskali tal-Greċja saret ‘ferm urġenti’

Il-Ministru tal-Finanzi tal-Greċja, Yanis Varoufakis, fisser is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżu bħala ‘waħda urġenti għall-aħħar’. Dan meta mistenni li l-Greċja għandha tgħaddi mill-eqqel tal-kriżi fiskali fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

Varoufakis ħareġ bit-twissija wara li l-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro ltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-aħħar pakkett tal-fondi ta’ emerġenza għall-Greċja.

Il-fondi ekwivalenti għal 7.2 biljun ewro huma l-ammont finali mill-bailout għall-Greċja li jammonta għal 240 biljun ewro u skont il-qbil li kien sar bejn Ateni u l-kredituri internazzjonali; fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

Min-naħa tagħhom, il-Ministri Ewropej qalu li l-Greċja wettqet il-progress fl-impenji fiskali tagħha iżda għamluha ċara wkoll li għad fadal xi jsir. B’hekk huma wasslu l-messaġġ li qed jistennew aktar riformi ewlenin min-naħa ta’ Ateni.