Il-vapur tal-cruises ‘Costa Concordia’ temm ‘l-aħħar korsa tal-vjaġġ’, fl-Italja, qabel jitkisser għall-iskrapp. Dan wara li l-vapur inġibed bit-tug boats mill-port ta’ Voltri-Pra, f’Ġenova, fejn kien ilu minn Lulju li għadda.
Il-fdalijiet tal-‘Concordia’ nġibdu mill-breakwater ta’ Pra lejn il-baċir ta’ Molo Ex Superbacino, fil-port ta’ Ġenova. Id-distanza tal-aħħar vjaġġ kienet ta’ għaxar mili nawtiċi jew 18.5-il kilometru.
Il-vapur ‘Costa Concordia’, fit-13 ta’ Jannar tal-2012 kien inkalja u nqaleb fuq ġenb, lil hinn mill-Gżira ta’ Giglio. Fit-traġedja tilfu ħajjithom 32 persuna, waqt li l-awtoritajiet ikkonċernati kellhom jidħlu għal proġett ta’ 30 xahar biex iwaqqfu l-vapur u jwassluh lejn il-port ta’ Ġenova.
Intant, tlestiet l-ewwel fażi tal-ħidma biex iżarmaw il-materjal tal-vapur għar-riċiklaġġ, b’konvoj ta’ 11-il opra tal-baħar (inklużi tugboats u vapuri tal-pulizija u l-gwardjani tal-kosta) jgħinu fit-trasferiment tal-‘Concordia’ lejn il-baċir ta’ Molo Ex Superbacino.
//= $special ?>