Internazzjonali

L-ewwel laqgħa ta’ Kabinett ‘kollu kemm hu Konservattiv’ fi 18 il sena

…..Impenji għal titjib fil-kwalita tal-ħajja fuq l-aġenda ta’ Cameron

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, David Cameron, insista biex il-Gvern tiegħu jikkonċentra fuq l-aktar issues kruċjali li jistgħu jtejjbu l-ħajja tal-poplu tiegħu. Hu qal hekk f’Londra waqt l-ewwel laqgħa tal-Kabinett ġdid, li għall-ewwel darba fi 18 il-sena hu magħmul kollu kemm hu minn Ministri tal-Partit Konservattiv.

Cameron wiegħed li t-‘Tories’ se jaħdmu fuq aġenda li testendi l-opportunitajiet għan-nies u li l-Gvern se jibqa’ ‘b’saqajh mal-art’. Hu insista li l-bidliet kollha li jsiru fis-servizzi pubbliċi jridu jkollhom għeruq ‘fil-vera ġustizzja soċjali’ u meta mistenni li l-Gvern ġdid ta’ se jagħti priorita lil-liġijiet dwar ix-xogħol.

Intant, numru ta’ partiti politiċi fir-Renju Unit, fil-preżent, jinsabu għaddejjin minn taqlib u riforma, bid-deputat parlamentari Norman Lamb jikkonferma li se jikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit Liberali Demokratiku li kien wieħed mit-telliefa kbar fl-aħħar elezzjoni.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li d-deputat Laburista Chuka Umunna se jikkuntesta għat-tmexxija tal-partit tiegħu. Dan meta l-Eżekuttiv Laburista jiltaqa’ għada biex ifassal il-proċess għall-għażla tas-suċċessur ta’ Ed Miliband li rriżenja minn Kap malli tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni.

Fi żviluppi oħra, il-Kanċillier Britanniku għall-Finanzi, George Osborne, qal li l-Gvern Britanniku għandu ‘mandat ċar ħafna’ biex jinnegozja mill-ġdid ir-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropa.

Meta tkellem qabel il-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi Ewropej fi Brussell, Osborne qal li r-Renju Unit għandu jkun ‘kostruttiv iżda determinat’ fit-taħditiet mal-Mexxejja Ewropej. Is-sorsi qrib il-Gvern Britanniku, intant, issuġġerew li żmien ir-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit fi ħdan l-UE jibqa’ ‘flessibbli’.