Lokali Parlament Saħħa

L-istudenti barranin tal-università medika f’Għawdex iridu jiġu jipprattikaw f’Malta

M’hemmx faċilitajiet biżżejjed għal speċjalizzazzjonijiet fGħawdex… il-Gvern jirrifjuta li jippubblika l-ftehim ma’ Barts

Dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru Konrad Mizzi fi tweġibiet li ta fil-Parlament b’rabta ma’ fejn se jkunu qed jipprattikaw l-istudenti f’Għawdex tal-Queen Mary University of London, juru u jindikaw li f’Għawdex m’hemmx il-faċilitajiet biżżejjed għall-istudenti biex jipprattikaw u għaldaqstant iridu jiġu Malta għas-sessjonijiet ta’ pratttika.

Fil-Parlament, ix-Shadow Minister għas-Saħħa, Claudette Buttigieg, ressqet diversi mistoqsijiet parlamentari b’rabta mal-ftehim ma’ Queen Mary University of London – Barts and the London School of Medicine and Dentistry.

Il-Ministru Konrad Mizzi irrifjuta li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat mill-Gvern mal-Università msemmija, u dan bl-iskuża li din l-informazzjoni hi kummerċjalment sensittiva.

Ix-Shadow Minister staqsiet ukoll lill-Ministru jgħid jekk, minħabba li f’Għawdex m’hemmx l-ispeċjalizzazzjonijiet kollha li fuqhom iridu jipprattikaw l-istudenti ta’ Queen Mary University of London, dawn l-istudenti hux se jiġu jipprattikaw f’Malta, fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb fir-risposti tiegħu bil-miktub, billi tkellem biss dwar dak li hu pjanat li jsir meta jitlesta t-tkabbir ippjanat f’Għawdex skont kif qiegħed iwiegħed dan il-Gvern. Meta jitlesta dan it-tkabbir, il-Ministru qal li se jkun hemm żieda tal-ispeċjalizzazzjonijiet offruti biex l-istudenti jkunu jistgħu jipprattikaw.

Min-naħa l-oħra jikkonferma li hu pjanat li l-Isptar San Luqa wkoll se jintuża minn dawn l-istudenti.

Mitlub jispeċifika mix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, jgħid liema speċjalizzazzjonijiet mediċi mhux qed jiġu offruti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Ministru Konrad Mizzi qal li wieħed ma jridx jara l-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa kif inhuma llum, imma kif hu propost li jiġi żviluppat.

Jiddikjara wkoll b’mod ċar li f’każijiet speċifiċi, it-taħriġ jista’ jsir f’postijiet oħra wkoll li mhux f’dak ta’ Għawdex.