Il-Kummissjoni Ewropea għada mistennija tipproponi sistema għad-distribuzzjoni tal-immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku bejn il-pajjiżi membri tal-UE, u li tkun tibbaża fuq kwota.
Dan mistenni jsir bħala parti mill-istrateġija tal-Unjoni, u l-Kummissjoni għandha tintroduċi pjani biex jiżdiedu l-mezzi legali għall-immigranti ħalli jaslu l-Ewropa u biex huma ma jkollhomx ifittxu s-servizzi tat-traffikanti tal-bnedmin.
Il-pajjiżi l-aktar effettwati mill-kriżi tal-immigranti – fosthom l-Italja, Malta, l-Awstrija u l-Greċja – qed iħeġġu lill-pajjiżi tal-UE biex jaqsmu aktar mill-piż huma u jikkonfrontaw din il-kriżi umana. Sadanittant, l-istati tal-UE jridu jaqblu dwar is-sistema tal-kwota li hi ferm kontroversjali, filwaqt li numru ta’ pajjiżi qed jopponuha.
Il-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, talbet l-għajnuna tan-Nazzjonijiet Uniti fil-konfront tal-gruppi kriminali li qed jitraffikaw l-immigranti lejn l-UE. Mogherini, nhar it-Tnejn, indirizzat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u għamlitha ċara li jinħtieġ l-appoġġ ta’ din l-organizzazzzjoni biex isalvaw il-ħajja.
Fl-2015 mietu ’l fuq minn 1,800 immigrant fil-Mediterran, u ħafna mill-vittmi kienu qed jaħarbu mill-faqar u l-konflitti f’pajjiżi bħas-Sirja, l-Eritrea u s-Somalja.
Mogherini ddettaljat il-proposti li qablu dwarhom il-gvernijiet tal-UE, li jinkludu l-impenn tal-mezzi kollha neċessarji biex jinħatfu l-bastimenti tat-traffikanti tal-immigranti. L-UE teħtieġ l-approvazzjoni tan-NU għal bażi legali ċara rigward kull azzjoni militari biex jinħatfu l-opri tal-baħar tat-traffikanti fl-ibħra territorjali tal-Libja.
//= $special ?>