Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fil-Qorti ta’ Għawdex bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono li hu akkużat b’misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Ian Abdilla u Rennie Stivala, filwaqt li d-difiża f’idejn l-Avukat Joseph Giglio.
L-Ispettur Ian Abdilla ppreżenta lill-Qorti għadd ta’ dokumenti li rriżultaw waqt l-investigazzjonijiet.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur spjega kif kollox beda meta John Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Ghawdex, talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga rapporti dwar affarijiet ħżiena li kienu saru fil-Ministeru għal Għawdex u li kienu jirrigwardaw lil Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono meta hu kien imexxi t-taqsima tal-Construction and Maintanance Unit (CMU) fis-sena 2013 u qabel.
Hu żied li mill-istħarrig tal-Pulizija kien hemm ċertu Joseph Cauchi magħruf bħal ‘Sansun’ li kien qed jgħid li kien għamel numru ta’ xogħlijiet imqabbda lilu minn Anthony Debono u li għalihom kien għadu ma tħallasx u li l-ammont akkumulattiv li kellu jieħu b’kollox kien ta’ madwar 50,000 ewro.
L-Ispettur Ian Abdilla beda jagħti rendikont tax-xogħlijiet li Joseph Cauchi nsista li kien għadu ma tħallasx u li ried li l-Ministeru għal Għawdex iħallsu tagħhom. Il-lista tinkludi xogħlijiet fi 22 post differenti.
L-Ispettur Ian Abdilla kompla li dawn ix-xogħlijiet kienu jirrigwardaw għoti ta’ siment u konkos, xoghlijiet ta’ kostruzzjoni, xogħlijiet fil-privat u xogħlijiet marbuta ma’ toroq. Għal dawn ix-xogħlijiet qatt ma ħarġet xi forma ta’ xi sejħa, imma x-xogħlijiet dejjem ingħataw b’direct order.
L-Ispettur Ian Abdilla qal li f’żewġ okkażjonijiet Joseph Cauchi kien ingħata pagamenti cash ta’ €10,000-il wieħed minn Anthony Debono li kien beda jiġi ppressat biex jara x’jista’ jagħmel biex dan il-kont pendenti jitħallas.
L-Ispettur Ian Abdilla hawnhekk beda jagħti rendikont ta’ numru ta’ persuni mitkellma mill-Pulizija f’din l-investigazzjoni u qal li fost l-ohrajn bagħat ukoll għal Anthony Debono li iżda minkejja li dam għal numru ta’ sigħat għand il-Pulizija, ma ta l-ebda stqarrija għaliex dejjem insista li hu kien qed jintuża bħala ballun politiku u għalhekk ma xtaqx li jwieġeb għad-domandi tal-Pulizija.
//= $special ?>