Anzjana ta’ 82 sena, li ddaħħlet l-Isptar Mater Dei issofri minn uġigħ kbir f’sidirha, mietet fil-kurituri tal-Isptar kmieni lbieraħ filgħodu. Qraba tal-anzjana tkellmu ma’ MaltaRightNow.com u rrakkuntaw li sas-Sibt, il-mara kienet tieġ tal-familja u l-kundizzjoni tagħha kienet normali.
Kien il-Ħadd meta l-mara ġiet rikoverata l-Isptar minħabba li ħasset l-uġigħ. Iżda minflok poġġewha f’kamra, l-anzjana bdiet tiġi kkurata fil-kuritur, fejn kienet imħallta ma’ rġiel u nisa. Imbgħad, sabuha mejta fl-istess post l-għada t-Tnejn għall-ħabta tal-5am.
Il-qraba kkummentaw kif minflok għexet l-aħħar sigħat ta’ ħajjitha b’mod dinjituż, l-anzjana tħalliet f’kuritur mimli pazjenti u saħansitra viċin ta’ pazjent maskili li deher li kellu kundizzjoni serja.
Sfortunatament, dan il-każ xokkanti mhuwiex wieħed iżolat, hekk kif xahrejn ilu, f’anqas minn 24 siegħa, kienu mietu żewġ anzjani oħra f’każi separati fil-kurituri tal-Isptar. Din il-mewta xejn dinjituża tweġġa’ mhux biss lill-qraba u l-familjari tal-anzjani, iżda wkoll anki lill-istaff mediku.
Din is-sena, l-għadd ta’ pazjenti f’xi wieħed mill-kurituri tal-Isptar Mater Dei żdied qatigħ u numru minnħom baqgħu mingħajr ma nstabitilhom sodda f’xi sala. Dan bir-riżultat li l-pazjenti mietu fil-kuritur fejn kienu qed jinżammu mingħajr l-ebda privatezza.
Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi gravi ħafna, b’infermiera li tkellmu magħna komplew jesprimu t-tħassib tagħhom għall-anzjani li qed jitħallew fil-kurituri minkejja l-qagħda ħazina ta’ saħħithom.
//= $special ?>