Lokali Parlament

Dewmien mill-Gvern fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari

Il-Gvern iwieġeb lill-Oppożizzjoni b’mistoqsija u ma jgħidx kemm ġew appuntati uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku

L-uffiċċju tal-Prim Ministru ma tax informazzjoni fil-Parlament dwar kemm ġew appuntati uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku mingħajr ma kien hemm sejħa għall-applikazzjonijiet fis-sentejn li għaddew minkejja li l-mistoqsija kienet ilha li saritlu aktar minn tliet xhur u nofs ilu.

Għal din il-mistoqsija li t-tweġiba nqrat mill-Ministru Owen Bonnici f’isem il-Prim Ministru li jinsab imsiefer fil-Qatar, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru wieġeb billi staqsa lix-Shadow Minister Claudio Grech li għamel din il-mistoqsija fit-23 ta’ Frar li għadda, jispjega x’jifhem bil-frażi uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku.

Għal din it-tweġiba, ix-Shadow Minister Claudio Grech oġġezzjona għall-mod kif kienet qed titwieġeb il-mistoqsija parlamentari bl-istil li fir-risposta ssir mistoqsija lid-Deputat tal-Oppożizzjoni, minflok ma jfittex hu kif iwieġeb bl-aħjar mod il-mistoqsija.

Claudio Grech spjega wkoll li hu infurmat li hemm definizzjoni ta’ uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku, u mhux fis-Settur Pubbliku. Fisser li dawn huma dawk li jaqgħu minn Skala 5 sa Skala 1 mill-20 skala li hemm fis-Settur Pubbliku.
Irrimarka wkoll li ma jifhimx kif il-Gvern qiegħed jagħti lill-Oppożizzjoni risposti bħal din.

Il-Ministru Owen Bonnici ddefenda r-risposta li ta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u qal li hemm diversi karigi ta’ uffiċjali għolja, u talab mill-ġdid lix-Shadow Minister ikun preċiż hekk kif staqsa minn fejn tirriżulta din id-definizzjoni u fejn tinstab.

Ix-Shadow Minister Caludio Grech wieġeb li l-metodu li bih qiegħed iwieġeb il-Gvern hu metodu biex ikun hemm dewmien fir-risposti. Spjega li l-mistoqsija keinet ċara u li hu staqsa biss għal numru – kemm kien in-numru ta’ uffiċjali għolja li kienu appuntati mingħajr sejħa għall-applikazzjoni.

Għar-reazzjoni tal-Ministru Bonnici li qal li ma jaċċettax kritika li l-Gvern qiegħed juri li mhux lest jirrispondi, ix-Shadow Minister Claudio Grech irrimarka li r-risposti għandhom ikunu wkoll preċiżi bħall-mistoqsijiet.