Omm tallega li binha ilu jitlob għall-assistenza ta’ tabib għal iktar minn 24 siegħa
Priġunier fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin ilu aktar minn 24 siegħa mingħajr l-assistenza ta’ tabib li talab peress li ma jiflaħx.
FILMAT: Kummenti ta’ omm li qed tallega li binha ilu jitlob għall-assistenza ta’ tabib għal iktar minn 24 siegħa.
Omm ta’ priġunier f’Diviżjoni 5 għamlet kuntatt ma’ MaltaRightNow, fejn spjegat is-sitwazzjoni imwiegħra fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
“Meta (t-tifel) kien Diviżjoni 6, toilets misdudin jew tilgħin, ħmieġ, mikrobi u ġrieden ma’ kullimkien,” tispjega l-omm.
“Issa kellu bżonn tabib. Ġej it-tabib, ġej it-tabib… u t-tabib ma jasal qatt,” tgħid l-omm, li tispjega li t-tifel tagħha s’issa tħalla aktar minn 24 siegħa mingħajr assistenza ta’ tabib.
Skont l-informazzjoni mogħtija mingħand l-omm, il-priġunier talab li jarah tabib it-Tlieta għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija, madanakollu sal-Erbgħa fl-istess ħin, it-tabib baqa’ ma tfaċċax.
“Mhux għax inti ħabsi għandek tgħix hekk, hux vera,” tgħid l-omm iddispjaċuta għat-trattament li binha qed jingħata fil-ħabs.
L-omm spjegat li pruvat tagħmel kuntatt mal-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali, il-PBS, sabiex tagħmel dan ir-rapport biex jiġi nvestigat. Madanakollu, l-omm qalet li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS irrifjutat li tilqa’ l-ilment.
“Meta kkuntattjajt lill-PBS ma kkalkulawnix. Qalli “dan x’qed jgħid ibnek għax aħna m’aħniex qed nikkonfermaw”,” tirrakkonta l-omm, filwaqt li żiedet, “Għidtilhom li jekk iridu jikkonfermaw, imorru jiċċekjaw l-affarijiet u jkunu kkonfermaw.”
Il-kumment tal-omm ma’ MaltaRightNow itemm b’appell biex il-priġunieri jingħataw l-għajnuna “għax bħalna jridu jgħixu”. Tgħid li għandha ssir ħidma u tingħata għajnuna biex jirranġaw il-karattru tagħhom.
“Mhux bnedmin u ħolqien t’Alla bħal ħaddieħor? Bħal ma tiġi l-mewt għalina, tiġi għalihom ukoll” itemm tgħid l-omm.
//= $special ?>