Lokali

Għada strajk minn tal-linja; Malta Public Transport tgħid li onorat il-ftehim

Aġġornata b’reazzjoni mill-Malta Public Transport

Fi stqarrija, il-General Workers’ Union qed ordnat strajk għal għada fil-Malta Public Transport. Dan wara li l-imsemmija kumpanija naqset li tonora ftehim maqbul fl-aħħar ta’ April li permezz tiegħu kien evitat strajk ieħor.

Il-kwistjoni hija dwar tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema li baqgħu mhux ritornati. Il-kumpanija kienet ddeċidiet li twettaq qtugħ mill-pagi tal-ħaddiema meta għal xi raġuni ma jintlaħqux is-sigħat ta’ xogħol kontrattwali. Il-GWU qalet li fil-liġi hu indikat li ma jista’ jsir l-ebda qtugħ mill-paga jekk ma jkunx hemm kunsens mill-ħaddiem involut. Xi ħaġa li f’dan il-każ ma kienx hemm.

Il-GWU żiedt li minkejja negozjati fl-aħħar ħinijiet li waslu biex ikun evitat l-istrajk tat-2 ta’ Mejju li għadda, il-kumpanija xorta baqgħet tkaxkar saqajha u naqset li tirrifondi l-pagi kif miftiehem.

Għaldaqstant il-GWU infurmat lill-kumpanija li kawża ta’ dan in-nuqqas b’effett mit-8.00 am sal-11.00 am u mill-4.00 pm sas-7.00 pm ta’ għada l-14 ta’ Mejju 2015, permezz tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, qed tordna waqfien mix-xogħol fis-sezzjonijiet kollha tal-kumpanija. Dan ifisser li l-istrajk se jkun qed jolqot ukoll is-servizz ta’ tal-linja.

Intant, fi stqarrija, l-Malta Public Transport qalet li tat il-flus kollha dovuti lill-ħaddiema lura, f’xi każijiet qabel id-data li kienet ġiet mifthiema mal-GWU.

Malta Public Transport qalet li hi issodisfat il-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar ġimgħat mal-Union u kull tip ta’ informazzjoni jew azzjoni li qed tieħu l-GWU hija kompletament infondata u tista’ xxekkel il-ftehim li ntlaħaq.

Il-kumpanija tat-trasport pubbliku qalet li l-pubbliku kellu jkun avżat minn qabel bl-istrajk għaliex dan se joħloq inkonvenjent kbir, speċjalment għal min jiddependi fuq it-trasport pubbliku.

Malta Public Transport fakkret li l-azzjoni industrijali t’għada għandha tkun konformi mal-liġi, jiġifieri l-pubbliku għandu jingħata 50% tas-servizz.