Lokali

Għandu jkun apprezzat ir-rwol tal-ġurnalist li jesponi l-faċċati kollha l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija għamel referenza għall-każ John Dalli vs The Malta Independent rappurtat fil-media u li wassal biex l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli jibgħat kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija kontra lista ta’ nies li tinkludi ġurnalist Malti u mediahouse.

L-IĠM appella biex ikun apprezzat ir-rwol tal-ġurnalist li jistħarreġ, li jippreżenta l-informazzjoni kollha li tirriżultalu, li jesponi l-faċċati kollha u jagħti spazju lill-partijiet kollha biex jgħidu tagħhom, u li jibqa’ jsegwi u jirraporta dak li jkun ta’ interess pubbliku. Hekk tkun irrispettata wkoll l-intelliġenza tal-pubbliku li liberament u konxjament ikun jista’ jifformula l-opinjoni tiegħu.

Fuq nota relatata mal-aspett ta’ passi kriminali u l-ħidma ġurnalistika – li hi regolata mill-Press Act, l-IĠM fakkar li hu impenjat f’taħditiet, li għaddejjin mal-Gvern u mal-Avukat Ġenerali, biex fejn fil-liġi tal-istampa għad hemm lok ta’ libell kriminali, dan jitneħħa.