Dawk li jħarsu d-drittijiet tal-annimali fiċ-Ċina kienu bir-ragħwa f’ħalqhom meta allegatament fkieren kbar miżmuma f’zoo kienu qed jispiċċaw mirkuba minn turisti u aktarx maħqura b’turnavit biex dawn jiċċaqilqu.
Sensiela ta’ ritratti, li tqiegħdu fuq il-midja soċjali din il-ġimgħa, qanqlu rabja kbira minn dawk kollha li għandhom l-annimali għal qalbhom. Hu mifhum li r-ritratti ttieħdu f’park għall-annimali slavaġ f’belt fir-reġjun ta’ Xiamen. Il-fekruna ġganta kienet ingħatat bħala rigal diplomatiku mill-Mawritanja.
Skont il-People’s Daily Online il-ħaddiema li kienet tieħu ħsieb il-park, u li dehret fir-ritratt b’għodda qisha turnavit f’idha, tkeċċiet wara li r-ritratti meħuda spiċċaw ixxerdu fuq l-internet almenu 1,200 darba. Il-mara ċaħdet l-akkużi imma t-tmexxija taż-zoo insistiet li l-annimali miżmuma mhumiex hemm biex jintrikbu.
F’dan il-park partikolari, biex wieħed jieħu ritratti tal-annimali jrid iħallas 30 yuan (€4.29) u biex jieħdu ritratti mal-fkieren, il-kustodju tal-park jieħu 9-10 yuan (€1.30). It-tmexxija tal-park qalet li f’dan il-każ, jidher li l-ħaddiema ma setgħetx tirreżisti għall-possibiltà li taqla’ ftit iktar flus u ħolqot mod ta’ kif it-turisti jieħdu iktar ritratti.
//= $special ?>