Lokali Parlament

Ħames talbiet għal family friendly measures rifjutati fil-Korp tal-Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija rrifjuta ħames talbiet għal family friendly measures, tnejn minn żewġ kuntistabbli nisa u tliet talbiet oħra minn spetturi nisa.

Il-każijiet marbuta ma’ miżuri favur il-familja fil-Korp tal-Pulizija, tqajjem fil-Parlament f’mistoqsija li x-Shadow Minister Jason Azzopardi għamel lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.

Jason Azzopardi talab lill-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal family friendly measures fil-Korp tal-Pulizija, bħalma huma talbiet għal sigħat flessibbli fost l-oħrajn, li kienu rifjutati fil-gradi ta’ Kuntistabbli, Surġent, Maġġur u Spettur.

Il-Ministru Abela wieġeb li l-każijiet ġew rifjutati biex ikun hemm konsistenza u uniformità fix-xiftijiet tax-xogħol.

Fl-istess tweġiba, il-Ministru qal li l-politika tal-Gvern hi favur dawn il-miżuri għall-familja u li l-Ministeru se jkun qed jitlob aktar dettalji dwar dawn it-talbiet rifjutati.