Lokali

Id-donazzjoni tal-organi għandu jibqa’ att ta’ ġenerożità – il-Kurja

Li persuna tagħti l-organi tagħha għandu jibqa’ espressjoni ta’ ġenerożita’ u altruiżmu. Il-kurja qalet dan f’pożizzjoni li ppubblikat dwar id-donazzjoni tal-organi, u li fiha qalet li wieħed ma jistax jirċievi rigal mingħand xi ħadd ieħor jekk dan ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-għotja ta’ dan ir-rigal.

Il-kurja qalet li mingħajr il-kunsens ħieles tal-persuna li jagħti l-organi tiegħu wara mewtu, il-prattika tad-donazzjoni tal-organi tinbidel f’waħda li ma tibqax marbuta mal-prinċipji tal-karità u s-solidarjetà, li huma ż-żewġ prinċipji li jiġġustifikaw id-donazzjoni tal-organi.

Il-pożizzjoni maħruġa mill-Kurja tħejjiet minn numru ta’ esperti, fosthom fl-oqsma tal-mediċina, il-psikoloġija, l-filosofija u t-teoloġija.

Fil-pożizzjoni tagħha, l-Kurja qalet li l-istatistika turi li s-sistema preżenti taħdem tajjeb f’dak li għandu x’jaqsam mad-donazzjonijiet tal-organi u għaldaqstant il-qafas leġislattiv ġdid għandu jsaħħaħ u mhux ibiddel dak preżenti.

Il-Knisja f’Malta qalet li għandu jsir sforz biex tissaħħaħ is-sistema tal-‘opt-in’ li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jesprimi d-deċiżjoni libera tiegħu għal kunsens biex wara mewtu issir id-donazzjoni tal-organi tiegħu.

Fil-pożizzjoni tagħha, l-Kurja qalet li l-kunċett tad-donazzjoni tal-organi, bħala rigal volontarju, għandu jibqa’ jiġi protett b’dan il-mod u għaldaqstant il-leġislazzjoni ġdida dwar dan għandha ssaħħaħ is-sistema tal-‘opt-in’, filwaqt li din is-sistema tkun moniterata b’mod aħjar u b’mod aktar konsistenti.