Mill-inqas 20 allegat vittma oħra qed iressqu akkużi fil-konfront tal-artist Rolf Harris, ta’ 85 sena, li f’Lulju tas-sena li għaddiet intbagħat ħames snin ħabs fuq akkużi ta’ abbuż sesswali ta’ erbat ibniet bejn l-1968 u l-1986.
L-artist, magħruf fost l-oħrajn għad-dehriet tiegħu fil-programm televiż Ingliż Animal Hospital, ġie mgħarraf fil-ħabs bl-akkużi ġodda hekk kif il-familja tiegħu qed tanalizza l-effett li dawn jistgħu jkollhom fuq il-patrimonju tiegħu.
L-accounts ippubblikati din is-sena juru li l-kumpaniji ta’ Harris għandhom valur ta’ €11.8 miljun b’iktar minn €3 miljun fi flus kontanti. Il-preżentatur televiżiv għandu wkoll dar fuq ix-xmara Thames b’valur ta’ €7 miljun.
Hu mifhum li l-allegati vittmi avviċinaw lill-kumpanija tal-avukati Slater & Gordon, li kienu rrappreżentaw 167 vittma ta’ Jimmy Saville b’akkużi ċivili fil-Qrati, li madankollu qalu li l-allegat vittmi li resqu għandhom huma inqas minn 20.
Bint Harris, Bindi ta’ 50 sena, ikkonfermat li l-familja bħalissa qed tittratta t-talbiet ċivili għal kumpens li huma kollha rappreżentati mill-kumpanija Slater & Gordon.
Il-ġimgħa li għaddiet, Bindi fetħet petizzjoni fuq l-internet li fiha spjegat li missierha dejjem kien persuna ħelwa u onesta u li dejjem ħadem ħafna biex iwassal ferħ lil ħaddieħor. Insistiet li dejjem kien iffissat fix-xogħol, li kien il-prijorità tiegħu u li ħajtu ddedikaha biex jagħti gost lil ħaddieħor. Qalet li qatt ma ratu interessat fit-tfal b’dak il-mod u li ismu ttebba’ bi propaganda li riedet tkissru għax hu kien personalità magħrufa. Spjegat li dawk kollha li jafuh huma xxukkjati u ddispjaċuti li ismu ċċappas b’dan il-mod.
//= $special ?>