Kultura Lokali Parlament

Il-Gvern ikompli jispikka fl-arroganza anke fis-settur tal-kultura

Jinjora proposti tal-Oppożizzjoni għat-tisħiħ tas-settur tal-kultura u l-arti

Il-Gvern kompla jispikka fl-arroganza meta fil-Parlament, il-Ministru Owen Bonnici nsista li dikjarazzjoni tal-Gvern – dik li mhux bi ħsiebu juża l-liġi rigward il-Kunsill tal-Arti biex dan il-Kunsill tal-Arti jikkontrolla wkoll lil Heritage Malta u lis-Sopraintendenza tal-Wirt Kulturali – hi bizzejjed għax ladarba l-Gvern għamel dikjarazzjoni bħal din m’hemmx għalfejn emendi fil-liġi.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għamel din id-dikjarazzjoni u mexa b’dan l-aġir fid-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet fejn din il-ġimgħa kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi rigward il-Kunsill tal-Arti. L-Oppożizzjoni ressqet diversi proposti biex jiġi emendat l-Abbozz ippreżentat mill-Gvern u s-settur tal-kultura jkompli jissaħħaħ u mhux jiddgħajjef.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-settur kulturali, Joe Cassar, flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, spjegaw li liġi tinbidel b’emendi għaliha u mhux b’dikjarazzjonijiet tal-Ministru – għax inkella għalfejn jiltaqa’ l-Parlament biex jabbozza l-aħjar liġijiet?

Minkejja dan l-argument tal-Oppożizzjoni, il-Gvern baqa’ ma laqax is-suġġerimenti tal-Oppożizzjoni li ssir emenda biex tassigura li l-liġi tal-Kunsill tal-Arti qatt ma tintuża biex isiru kontrolli fuq żewġ entitajiet kulturali importanti li għandhom l-awtonomija tagħhom mill-Kunsill tal-Arti.

Iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Arti m’għandux ikun Chairman Eżekuttiv
Il-Gvern matul l-istess Kumitat, ma laqax ukoll suġġeriment min-naħa tal-Oppożizzjoni, li ċ-Chairman tal-Kunsill m’għandux ikun Chairman Eżekuttiv.

L-Oppożizzjoni fissret li dan imur kontra kull prinċipju ta’ governanza moderna u serja fejn issir distinzjoni bejn iċ-Chairman u l-Bord min-naħa waħda, u min imexxi b’mod eżekuttiv li għandu jkun il-Kap Eżekuttiv min-naħa l-oħra, inkella mhux veru li jkun hemm kontrolli effettivi.

L-Oppożizzjoni għamlitha ċara li qed tagħmel dan l-argument bħala punt ta’ prinċipju u mhux għax għandha xi ħaġa kontra l-persuna magħżula mill-Gvern għal din il-kariga.

Minkejja dawn l-argumenti u l-inizjattivi tal-Oppożizzjoni b’emendi biex jissaħħaħ u mhux jiddgħajjef is-settur tal-arti u l-kultura, il-Gvern baqa’ jinjora l-appelli tal-Oppożizzjoni u b’arroganza baqa’ jżomm u ma jiċċaqlaqx, u jitlob b’arroganza biex l-Oppożizzjoni toqgħod biss fuq il-kelma li qiegħed jagħti l-Ministru.

Wara d-diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari, l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kunsill tal-Arti kien approvat ilbieraħ mill-Parlament mill-istadji kollha.