Is-servizzi siġrieti tal-Korea t’Isfel żvelaw li kien inqatel Hyon Yong-chol, il-Ministru tad-Difiża tal-Korea ta’ Fuq – li kien jokkupa waħda fost l-aktar karigi importanti fil-pajjiż.
Intqal li hu nqatel quddiem folla nies b’tiri sparati minn kanun li jintuża għal kontra l-attakki mill-ajruplani. Sorsi qalu li aktarx ir-raġuni kienet għaliex hu kien intlemaħ jongħos waqt diskors tad-dittatur Kim Jong-un.
L-aħbar ħarġet ġimgħa wara li sar magħruf li s’issa din is-sena kienu diġà ngħataw il-piena tal-mewt 15-il uffiċjal għoli tar-reġim tal-Korea ta’ Fuq.
L-aħbar tal-qtil ta’ Hyon u l-mod kif inqatel inkwetaw lil diversi osservaturi tal-Korea ta’ Fuq minħabba l-implikazzjonijiet li jġibu magħhom, b’mod partikulari għaliex juru li Kim mhu qed jafda lil ħadd u hu brutali fir-repressjoni tiegħu. Hu mifhum li Hyon kien ilu Ministru mis-sena li għaddiet u l-aħħar darba li deher fil-pubbliku kienet ġurnata qabel ma nqatel.