Ewropa Lokali

Il-PPE jqis il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni bħala pass fid-direzzjoni t-tajba

Il-Partit Popolari Ewropew laqa’ d-direzzjoni politika tal-Kummissjoni Ewropea mħabbra llum dwar l-immigrazzjoni, u sejjaħlu “pass fid-direzzjoni t-tajba”.

Il-PPE qal li jappoġġja b’mod sħiħ lill-Kummissarju Avramopoulos għax-xogħol li sar u li “juri li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni huma lesti li jaġixxu” u li issa l-pajjiżi membri jridu jsibu soluzzjoni komuni għall-influss ta’ immigranti.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, li hi l-viċi-koordinatriċi tal-PPE għad-drittijiet ċivili, iddeskriviet il-politika mħabbra bħala pass tajjeb ’il quddiem li jwassal lill-UE biex taqsam ir-responsabbiltà tal-immigrazzjoni b’mod ġust. Qalet, madankollu, li l-impenji fuq il-karta issa jridu jiġu onorati fil-prattika.

Il-PPE ddeskriva l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala waħda ambizzjuża li tmur lil hinn minn tweġiba ta’ emerġenza. Il-grupp qal ukoll li l-Kummissjoni rrikonoxxiet dak li l-PPE stess kien qed jipproponi, li jkun hemm sistema ġusta ta’ distribuzzjoni ta’ dawk li jingħataw il-ħarsien internazzjonali ladarba l-limitu ta’ ċerti stati membri jkun intlaħaq.

Monika Holhmeier, il-koordinatriċi għad-drittijiet ċivili fi ħdan il-PPE, laqgħet l-isforz qawwi tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini fejn inkludiet ukoll lill-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi li minnhom jgħaddu l-immigranti, f’ħidma komuni, u biex issir ħidma biex jinqerdu l-vapuri użati mit-traffikanti.

Qalet li l-istati membri issa jridu jżommu l-wegħda tagħhom fuq żewġ punti: li jaqblu għal mekkaniżmu ġust ta’ distribuzzjoni, u li jżommu l-wegħda tagħhom li jagħtu r-riżorsi meħtieġa lill-Frontex, lill-Europol u lill-EASO fil-ħidma tagħhom.