Il-Prinċep Harry għadu ma kellux l-opportunità li jżomm f’idejh lin-neputija ċ-ċkejkna tiegħu imma ammetta li issa, iktar minn qatt qabel, jixtieq ħafna jissetilja u jkollu t-tfal.
Il-Prinċep, li issa hu fil-ħames post bħala eredi għat-Tron wara t-twelid tal-Prinċipessa Charlotte, kien qed jitkellem waqt żjara fi New Zealand wara missjoni militari ta’ xahar fl-Awstralja.
Harry ammetta li jinsab f’salib it-toroq f’ħajtu personali u professjonali hekk kif intemmet ir-relazzjoni mal-aħħar tfajla tiegħu, Cressida Bonas is-sena li għaddiet, u temm l-esperjenza ta’ għaxar snin fil-militar Ingliż. Hu talab lill-poplu Brittaniku biex jafda d-deċiżjoni professjonali tiegħu hekk kif insista li jrid jagħmel lil ħadd kburi bih.
Dwar in-neputija l-ġdida, il-Prinċep Harry qal li ħuh William bagħtlu żewġ ritratti, wieħed minnhom qabel kulħadd ra liċ-ċkejkna, u t-tieni ritratt flimkien ma’ ħuha George. Qal li hu ħerqan ħafna li jiltaqa’ magħha, li jaraha u li jżommha f’idejh. Qal li waslet tard, għalhekk ma laħaqhiex, imma kuntent ħafna bl-aħbar tal-wasla tagħha.
F’intervista ma’ Sky News, il-Prinċep li għandu reputazzjoni ta’ playboy, ammetta li jixtieq li jkollu persuna ħdejh biex taqsam miegħu il-pressjoni tar-rwol. Qabel Cressida Bonas, il-Prinċep kellu relazzjoni ta’ seba’ snin ma’ avukat miż-Żimbabwe, Chelsy Davy.
//= $special ?>