Il-Gvern se jkun qed jagħmel stupru u sfreġju ambjentali, bil-proġett fil-limiti taż-Żonqor f’Wied il-Għajn. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara mal-ġurnalisti fiż-żona fejn il-Gvern irid jibni Università. Hu saħaq li kif wieħed jista’ jara, din hi art verġni u li mhix minsusa jew użata.
Simon Busuttil spjega li parti mill-art qed tintuża’ għal skop agrikolu, filwaqt li hemm partijiet li huma tal-Gvern u oħrajn li huma tal-privat. Filwaqt li saħaq ukoll li l-art għandha valur ekoloġiku u xjentifiku, għamel appell lill-għaqdiet u persuni ta’ rieda tajba. Hu elenka siti alternattivi għal dan il-progett, fosthom il-post fejn hemm il-Petroleum Division, il-fabbrika tad-Dowty jew l-Isptar San Luqa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-art magħżula għal dan il-proġett hi art barra miż-Żona tal-Iżvilupp u s-sit magħżul ġie deċiż mill-MEPA. Simon Busuttil sostna li dan ifisser li minflok tipproteġi ż-żoni ODZ, il-MEPA identifikat art ODZ għall-iżvilupp. Qal li l-MEPA llum saret bħal Dipartiment tal-Gvern li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru. B’dan il-proġett, il-Prim Ministru se jkun seraq art ambjentali bil-moħbi u taha lil min irid hu bil-prezz jitħallas mill-poplu Malti u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Marthese Portelli, Claudio Grech u Therese Comodini Cachia, mid-Deputati Stephen Spiteri u Ryan Callus, mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut, Charlot Cassar u Giorgio Schembri, kif ukoll mill-Kunsilliera Lokali ta’ Wied il-Għajn Sandro Gatt u John Baptist Camilleri u l-Kunsillera tax-Xgħajra Doris Borg.
//= $special ?>

