Lokali Parlament

L-Air Maltja tista’ tnaqqas il-flotta ta’ ajruplani tagħha

Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta tista’ tnaqqas il-flotta tagħha ta’ ajruplani li fil-preżent qed jitħaddmu fuq id-diversi rotot minn u lejn Malta. Fil-preżent, l-Air Malta qed tħaddem għaxar ajruplani fuq ir-rotot tagħha u qed tikri żewġ ajruplani fis-suq internazzjonali tal-avjazzjoni.

It-tnaqqis ta’ ajruplani mill-flotta eżistenti li għandha llum l-Air Malta kien ikkonfermat mill-Ministru Edward Zammit Lewis meta fil-Parlament wieġeb diversi mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni wara li l-Ministru wieġeb mistoqsija tax-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, li staqsa lill-Ministru jgħid meta se jagħlqu l-kirjiet tal-ajruplani fil-flotta preżenti tal-Air Malta u jgħid x’inhuma l-pjani f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Air Malta se tkun qed tistudja l-programm ta’ rotot għax-xitwa li ġejja u tara x’inhu meħtieġ u kif se jintużaw l-ajruplani biex jaqdu l-pjan ta’ rotot tagħha. Il-Ministru saħaq li ma jistax jgħid x’se jiġri f’Jannar li ġej, iżda qal li jrid isir dak li jkun meħtieġ skont il-pjan li jitfassal.

Ix-Shadow Minister Claudio Grech staqsa jekk jiċħadx jew jikkonfermax li ċ-Chairperson tal-Air Malta, f’laqgħa riċenti mal-ħaddiema, tat indikazzjoni ċara li l-flotta se titnaqqas bi tnejn jew tliet ajruplani, u indikat ukoll li se jitnaqqsu xi rotot ukoll.

Il-Ministru Zammit Lewis wieġeb li fil-pjani li qegħda tfassal l-Air Malta jista’ jiġri hekk u jonqsu l-ajruplani.

Fisser li ċ-Chaiperson għamlet dak li kellha tagħmel u qed iżżomm komunikazzjoni mal-ħaddiema u tinfurmahom bl-isfidi tal-kumpaniji tal-ajru kollha li qed tiffaċċja l-kumpanija.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, qal li s-suċċess tat-turiżmu jiddependi mis-seat capacity lejn pajjiżna, u li parti mis-suċċess tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna kienet li l-Air Malta nżammet u baqgħet tikkontribwixxi għas-suċċess tat-turiżmu fil-gżejjer Maltin.

Staqsa lill-Ministru jikkummenta dwar id-diċerija li minn għaxar ajruplani li fil-preżent jinsabu fuq ir-rotot tal-Air Malta, dawn se jinżlu għal tmienja fis-sajf li ġej, u sebgħa għax-xitwa. Staqsa lill-Ministru jagħti serħan il-moħħ li s-seat capacity se tibqa’ kif inhi bħalissa.

Sitwazzjoni kumplessa
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li s-sitwazzjoni hi kumplessa aktar minnhekk iżda spjega li se jinżamm is-seat capacity li għandha l-Air Malta llum, u li jlaħħaq it-43 fil-mija tat-turisti lejn Malta.

Spjega wkoll li s-seat capacity se tinżamm fl-ambitu wkoll tal-kumpaniji tal-ajru li jtiru minnu lejn Malta.