Lokali

L-Oppożizzjoni se tressaq emendi biex il-liġi tal-Identità tal-Ġeneru ma tkunx diskriminatorja

L-Oppożizzjoni ħabbret li fid-dawl tar-rapporti li jiżvelaw li l-liġi tal-Identità tal-Ġeneru li għaddiet mill-Parlament fil-ġimgħat li għaddew, qed twassal għal diskriminazzjoni, se tressaq emenda fil-Parlament biex b’hekk din id-diskriminazzjoni ma tibqax.

Jason Azzopardi, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, ħabbar dan fi stqarrija hekk kif spjega li l-liġi kif inhi bħalissa ma tapplikax għal min ikun ġie adottat f’Malta. B’hekk inħolqot sitwazzjoni ambigwa fejn persuna li twieldet f’Malta u tkun biddlet is-sess tiġi rikonoxxuta mil-liġi, waqt li persuna li tkun addottata f’Malta u biddlet is-sess, ma tkunx rikonoxxuta mil-liġi.

Jason Azzopardi spjega li f’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni qed tiproponi li f’Artiklu 2 ta’ Att Numru XI tal-2015, jiżdiedu l-kliem “Kull fejn fl-Att prinċipali hemm imniżżel ‘att tat-twelid’, dan jinkludi wkoll digriet ta’ adozzjoni li jkun imniżżel fir-Reġistru tal-Persuni Addottati mwaqqaf bl-Artiklu 269 tal-Kodiċi Ċivili.”

Spjega li dan hu eżempju konkret ieħor ta’ kemm l-Oppożizzjoni hi waħda proattiva.