Internazzjonali

L-UNJONI EWROPEA: Impenn fil-konfront tal-immigrazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea l_erbgħa nediet abbozz ta’ pjan biex tikkonfronta l-immigrazzjoni irregolari, inkluż pjan kontroversjali għall-kwoti ta’ immigranti li jridu jieħdu l-pajjiżi membri.
Dan bl-iskop li tul sentejn, 20,000 immigrant jiddaħħlu fl-UE. Il-Kummissjoni trid li l-pajjiżi membri jaqsmu bejniethom lill-immigranti li qed jidħlu bil-baħar hekk kif l-Italja u l-Greċja mhumiex qed ilaħħqu mal-ammont ta’ immigranti li qed jidħlu f’pajjiżhom.
Skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka huma eżentati mill-pjan ta’ kwota. Imma minkejja dan, ir-Renju Unit hu kritiku ħafna tiegħu għaliex qed isostni li kwota ta’ immigranti għall-pajjiżi kienet se sservi biss ta’ inċentiv biex in-nies jippruvaw jidħlu illegalment fl-Ewropa.
Dan jifforma parti minn dik li ssejħet ‘l-Aġenda Ewropea fuq l-Immigrazzjoni’, li fiha linji gwida li issa jridu jiksbu l-approvazzjoni tal-maġġoranza tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea biex isiru liġi. Is-sistema ta’ kwoti biex jitqassmu l-immigranti bejn il-pajjiżi membri se tkun ibbażata fuq il-qgħad, is-sitwazzjoni ekonomika u d-daqs tal-popolazzjoni.
L-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra wkoll azzjoni navali fil-Baħar Mediterran biex tinterċetta l-laneċ li qed jintużaw fil-Mediterran, b’attenzjoni partikulari għall-vjaġġi li qed jitilqu mil-Libja.
Federica Mogherini, il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE, qalet li deċiżjoni dwar azzjoni militari kienet se tittieħed nhar it-Tnejn waqt laqgħa bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u dawk tad-Difiża tal-UE. Biex ikun hemm azzjonijiet militari fil-Libja hu meħtieġ il-kunsens tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, il-Partit Nazzjonalista qal li dan kien pass tajjeb ’il quddiem mill-Kummissjoni Ewropea biex il-piż tal-immigrazzjoni jitqassam indaqs. Imma issa kien hemm bżonn li l-kliem jissarraf f’azzjoni konkreta.
Sadattant, dwar l-iżviluppi tal-Erbgħa, Francis Zammit Dimech, il-Kelliem tal-PN għall-Immigrazzjoni, qal li kienet aħbar tajba li kienu se jiżdiedu l-assi tal-UE u li se jiżdiedu biex ikunu salvati l-ħajjiet tan-nies. Hu żied li kienet ukoll xi ħaġa tajba li l-Kummissjoni issa qed tmur lil hinn minn miżuri ta’ emerġenza fil-konfront tal-problema tal-immigrazzjoni, fosthom dwar il-bżonn li fil-Libja jkun hemm l-istabbiltà.
l-Partit Popolari Ewropew laqa’ d-direzzjoni politika tal-Kummissjoni Ewropea mħabbra llum dwar l-immigrazzjoni, u sejjaħlu “pass fid-direzzjoni t-tajba”.
Il-PPE qal li jappoġġja b’mod sħiħ lill-Kummissarju Avramopoulos għax-xogħol li sar u li “juri li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni huma lesti li jaġixxu” u li issa l-pajjiżi membri jridu jsibu soluzzjoni komuni għall-influss ta’ immigranti.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, li hi l-viċi-koordinatriċi tal-PPE għad-drittijiet ċivili, iddeskriviet il-politika mħabbra bħala pass tajjeb ’il quddiem li jwassal lill-UE biex taqsam ir-responsabbiltà tal-immigrazzjoni b’mod ġust. Qalet, madankollu, li l-impenji fuq il-karta issa jridu jiġu onorati fil-prattika.
Il-PPE ddeskriva l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala waħda ambizzjuża li tmur lil hinn minn tweġiba ta’ emerġenza. Il-grupp qal ukoll li l-Kummissjoni rrikonoxxiet dak li l-PPE stess kien qed jipproponi, li jkun hemm sistema ġusta ta’ distribuzzjoni ta’ dawk li jingħataw il-ħarsien internazzjonali ladarba l-limitu ta’ ċerti stati membri jkun intlaħaq.
Monika Holhmeier, il-koordinatriċi għad-drittijiet ċivili fi ħdan il-PPE, laqgħet l-isforz qawwi tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini fejn inkludiet ukoll lill-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi li minnhom jgħaddu l-immigranti, f’ħidma komuni, u biex issir ħidma biex jinqerdu l-vapuri użati mit-traffikanti.
Qalet li l-istati membri issa jridu jżommu l-wegħda tagħhom fuq żewġ punti: li jaqblu għal mekkaniżmu ġust ta’ distribuzzjoni, u li jżommu l-wegħda tagħhom li jagħtu r-riżorsi meħtieġa lill-Frontex, lill-Europol u lill-EASO fil-ħidma tagħhom.