Il-kowċ ta’ Bayern Munich Pep Guardiola qabbel lil Lionel Messi mal-leġġenda Brażiljan Pele waqt li jemmen li Barcelona se jirbħu ċ-Champions League.
Barcelona rebħu t-titlu Ewropew f’kull waħda mill-aħħar tliet finali li lagħbu, fl-2006, l-2009 u l-2011 u waslu sal-finali 18-il darba li hu rekord.
Messi mexxa lil Barcelona lejn rebħa 3-0 fl-ewwel leg li Bayern setgħu biss jirkupraw b’rebħa 3-2 fil-partita ta’ ritorn.
“Hu l-aqwa plejer ta’ kull żmien u nqabblu ma’ Pele. Nittama li Barcelona jirbħu l-finali,” qal Guardiola li għandu 44 sena.
Kien il-Brażiljan Neymar li skorja darbtejn fl-Allianz Arena u għen li Barcelona javanzaw imma Guardiola ddedika t-tifħir tiegħu lill-captain tal-Arġentina Messi, li bidel is-semifinali favur Barcelona b’żewġ gowls lejn it-tmiem f’Camp Nou.
Messi dan l-istaġun skorja 53 gowl.
“Jinsab lura hemm fejn kelli l-privileġġ li nittrenjah,” qal Guardiola li ma’ Messi rebaħ 14-il trofew f’erba’ staġuni bejn l-2008 u l-2012. “Bla dubju reġa’ jinsab fl-aqwa forma.”
Il-captain ta’ Bayern Philipp Lahm qal li t-tim kien fiduċjuż li jsir it-tieni tim fl-istorja li jirkopra żvantaġġ ta’ tliet gowls fil-fażi tan-knock-out tal-kompetizzjoni.
“Emminna fil-miraklu imma ma stajniex nagħmluha. Hu impossibli li trażżan lil dawk il-plejers għal 90 minuta. Din is-semifinali ma tlfinihiex illum imma fl-ewwel leg.”
Ironikament Bayern ċaħħdu lil Barcelona milli jilħqu r-rekord tagħhom stess ta’ 10 rebħiet konsekuttivi fiċ-Champions League.
//= $special ?>