Kunsilli ta’ ħames snin itawwal id-distakk tal-kontabbiltà bejn il-kunsilliera u l-elettorat
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, saħaq li l-argument dwar jekk għandux it-terminu ta’ Kunsill Lokali jitwal b’sena għal ħames snin, mhux dak jekk hux konvenjenti jew le, iżda dak li hu l-aħjar għad-demokrazija.
L-Oppożizzjoni temmen li m’hemm ebda raġuni li l-perjodu ta’ erba’ snin jiżdied għaliex itawwal id-distakk tal-kontabbiltà bejn il-kunsilliera u l-elettorat.
Mario de Marco kien qiegħed jitkellem dwar l-emenda u d-dibattitu fil-Parlament dwar jekk għandniex nestendu t-terminu tal-Kunsilli Lokali minn erba’ snin għal ħames snin.
Il-Kunsilli Loakli twaqqfu fl-1993 meta kien deċiż li ż-żmien tal-Kunsilli Lokali għandu jkun ta’ tliet snin biex jimplimenta l-programm li fuqu l-kunsilliera jkunu eletti.
Fisser li kull kunsill u kull lokalità għandha l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħha, u qal li kull partit politiku jkollu l-programm ta’ ħidma tiegħu għal-lokalitajiet. Programm elettorali differenti li jindirizza l-isfidi u r-realtajiet ta’ kull lokalità.
Mario de Marco fisser li bejn l-2008 u l-2009 meta kien qed jiġi mfakkar il-15-il anniversarju tal-Kunsilli Lokali, kien hemm id-diskussjoni dwar jekk hux twil biżżejjed it-terminu ta’ tliet snin. Kien hemm qbil ukoll li jkun hemm estensjoni ta’ sena għal erba’ snin.
Wara dawn l-iżviluppi, qal Mario de Marco, il-Gvern irid illum jestendi dan it-terminu għal ħames snin – daqs leġiżlatura ta’ gvern.
Fisser li l-argument illum hu li jrid jiġi analizzat dak li hu żmien raġjonevoli biżżejjed għall-kunsilli lokali biex jitwettaq il-ħidma tal-kunsill, iżda li fl-istess waqt ikun hemm ukoll l-appuntament tal-elettorat biex jingħata żmien adatt biex isemma l-vuċi tiegħu. Dan biex il-kunsill lokali jkun kontabbli wkoll lejn l-elettorat f’terminu raġjonevoli.
Meta wieħed jieħu l-kunsiderazzjoni taċ-ċokon ta’ pajjiżna, b’uħud mil-lokalitajiet b’popolazzjoni żgħira, it-terminu ta’ ħames snin hu twil wisq.
L-Oppożizzjoni mhix taqbel mal-proposta tal-Gvern ta’ perjodu ta’ ħames snin. Saħaq li l-argument demokratiku qatt m’għandu jkun ibbażat fuq konvenjenza bħalma hu dak biex l-elezzjonijiet lokali jsiru ma’ dawk tal-MEPs. Saħaq li d-dibattitu għandu jkun jekk ħames snin hux twil wisq – aktar mill-President tal-Istati Uniti u ta’ Franza.
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament appella biex inżommu l-proporzjon f’kollox u filwaqt li wieħed jista’ jifhem l-argument ta’ elezzjonijiet f’daqqa, hemm l-argument l-ieħor li l-politiku għandu jinżamm kontabbli man-nies għaliex jagħraf li l-mument tal-ġudizzju se jasal u li qatt mhu ‘ l bogħod.
//= $special ?>