Sport

Micallef iħabbar l-iskwadra finali

RUGBY LEAGUE: Il-kowċ nazzjonali Malti tar-Rugby League Anthony Micallef ħabbar l-iskwadra finali li tinkludi 10 plejers li jilagħbu fil-kampjonat domestiku kif ukoll taħlita ta’ plejers ġodda ma oħrajn b’esperjenza.

L-iskwadra, b’età medja ta’ 25 hi mmirata li tilħaq bilanċ fil-livell ta’ logħob u livell fiżiku bejn dawk li jilagħbu barra u l-plejers li f’Malta b’erba’ minnhom taħt it-22 sena li kollha jilagħbu fil-kampjonat lokali.

Malta għandha plejers eliġibbli li jilagħbu fi tnejn mill-aqwa kampjonati fid-dinja, in-NRL tal-Awstralja u s-Super League tal-Ingilterra u plejer bħal Jarrod Sammut ta’ Wakefield Wildcats hu regolari fit-tim Malti.

Il-ġimgħa l-oħra t-tim nazzjonali Malti tilef 34-16 kontra l-Libanu f’partita li ntlagħbet f’Sydney bi plejers bażati barra u li offriet l-opprtunità lill-kowċ nazzjonali li jara fl-azzjoni aktar plejers eliġiblbi li jilagħbu għal Malta.

“Qed naħdem mill-viċin mal-manager tagħna f’Sydney David Axisa biex inġib erba’ minnhom jilagħbu Malta din is-sena,” qal Micallef.

It-tim nazzjonali tar-Rugby League bħalissa hu rrankjat fl-24 post fid-dinja u se jkun qed jilgħab kontra l-Belġju li jinsabu fil-21 post fl-istadium ta’ Carnegie Headingley f’Leeds. Il-logħba ta’ preparazzjoni se tintlagħab fil-21 ta’ Ġunju.

F’Awwissu Malta se tkun qed tilqa’ lill-Irlanda, li jinsabu fis-7 post tar-ranking, fl-aħħar partita qabel jibdew l-impenji ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fis-26 ta’ Settembru kontra Spanja f’Valencia.

L-iskwadra Maltija hija din: Malcolm Attard (Stompers RL), Christian Briffa (Malta Origin RL), Julian Caruana (Stompers RL), Dragan Cerketa (Stompers RL), Peter Debono (Malta Origin RL), Darren Edmunds (Team Pit RL), Sam Keep (Malta Origin RL), Joe Paolella (Malta Origin RL), Jean-Pierre Zarb (Eagles RL).