Il-midfielder internazzjonali Malti Rowen Muscat ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Birkirkara għal sentejn oħra waqt li l-gowlkiper Justin Haber iffirma għal tliet snin oħra.
Muscat li beda l-karriera min-nursery tal-istess klabb fil-bidu ta’ dan l-istaġun li wasal biex jintemm, kellu esperjenza fl-Ungerija mal-klabb ta’ Dunajvaros imma rritorna Malta f’Jannar u ngħaqad lura ma’ B’Kara wara li l-klabb Ungeriż kellu problemi kbar finanzjarji.
Muscat iddebutta fil-Premier ma’ B’Kara fl-istaġun 2009-10 u rebaħ żewġ kampjonati.
Intant anke l-gowlkiper internazzjonali Justin Haber għażel li jġedded ma’ B’kara bi tliet snin oħra minkejja li fl-aħħar ġimgħat kien hemm xnigħat li seta’ jitlaq il-klabb.
Haber li lagħab ma’ diversi timijiet barra minn xtutna u hu prodott ta’ Floriana FC, kellu l-ewwel esperjenza mal-istripes fl-2002 fejn għamel tliet staġuni u mbagħad wara diversi esperjenzi oħra barra minn Malta kif ukoll ma’ klabbs Maltin bħal Marsaxlokk u Mosta, irritorna ma’ B’Kara f’Jannar tal-2013.
//= $special ?>