Il-Ministeru tad-Difiża tal-Iraq qal li l-Viċi Kap tal-ISIS, Abdul Rahman Mustafa Mohammed, magħruf ukoll bħala Abu Alaa al-Afri, inqatel f’attakk mill-ajru mmexxi mill-Amerikani fl-Iraq.
Hu qal li Afri kien f’bini f’Tal Afar fejn kien qed imexxi laqgħa ma’ membri oħra tal-grupp militanti Iżlamiku, li kien attakkat mill-koalizzjoni internazzjonali li qed tmexxi l-attakki mill-ajru kontra l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, kien hemm diversi rapporti mhux ikkonfermati li Afri kien qed imexxi lill-ISIS wara li l-mexxej tal-grupp Abu Bakr al-Baghdadi kien indarab f’attakk mill-ajru ieħor li kien sar f’Marzu. Imma s’issa, l-Istati Uniti qalet li ma kellha xejn li jindika dan.
Il-ġimgħa li għaddiet id-Departiment tal-Istat Amerikan offra kumpens ta’ seba’ miljun dollaru għal informazzjoni dwar Afri, li identifikatu wkoll bl-isem ta’ Abdul Rahman Mustafa al-Qaduli.
Rapporti li nqatel il-Viċi Kap tal-ISIS


